“Ir-rata t’abbuż fuq it-tfal żdiedet f’pajjiżi li qed isir lockdown”

It-Tabib Malcolm Paul Galea jisħaq li Malta mhux se tkun eċċezzjoni

Minn MARIA AZZOPARDI

It-tabib Malcolm Paul Galea qal li meta wieħed iħares lejn dawk il-pajjiżi li fihom qed isir lockdown, jirriżulta li r-rata t’abbuż fuq it-tfal u persuni vulnerabbli żdiedet. Huwa qal li għalkemm m’hawnx fis-seħħ lockdown formali, Malta mhux se tkun eċċezzjoni. “L-indikazzjonijiet huma li din is-sitwazzjoni diġà qed teskala u għalhekk importanti li naħdmu qatigħ biex ngħarrfu iktar lis-soċjetà tagħna mhux biss dwar kif nindunaw li qed isir abbuż imma anke x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lil dawn il-vittmi,” qal it-tabib.

Huwa żied jgħid li din hija problema serja ħafna għax it-tfal ma jistgħux jaħarbu mill-aggressuri tagħhom. Mhux hekk biss, imma anke dan l-abbuż qed iseħħ f’ambjent fejn m’hemm ħadd iktar li jista’ joffri ħajt tal-kenn. It-tabib qal, “Irridu nkunu l-vuċi għal dawn in-nies bla vuċi. Però biex nagħmlu hekk irridu niftħu għajnejna u widnejna għalihom. Jekk wieħed jisma’ għajjat u ħsejjes li jindikaw imġieba aggressiva flimkien ma’  biki frekwenti minn propjetà viċin, għandu jirrapporta minnufih.”

It-tabib Malcolm Paul Galea

Irridu noqgħodu attenti għal sinjali suspettużi fit-tfal

It-tabib Malcolm Paul Galea jelenka uħud minn dawn li jinkludu: iżolament minn persuni oħrajn. Tfal abbużati għandhom it-tendenza li joqgħodu waħedhom. Rabja u/jew aggressività. B’mod speċjali jekk wieħed jinnota tibdil fl-imġieba ta’ dawn it-tfal. Nuqqas ta’ stima fihom infushom. Ħsara lilhom infushom. Attentati biex jaħarbu mid-dar. Preżenza ta’ tbenġil u daqqiet li mhux kapaċi jiġu spjegati kif oriġinaw. Tagħrif sesswali li mhux propizju għal età ta’ tfal. Demm fil-ħwejjeġ ta’ taħt. Tfittxija għal fsied jew affezzjoni. Telf ta’ abbiltajiet li kienu preżenti fit-tfal. 

Forma oħra t’abbuż hija l-abbandun ta’ tfal

Hemm sinjali speċifiċi li possibilment jindikaw dan. Dwar dan, it-tabib jelenka uħud minnhom: Nuqqas ta’ piż jew piż kbir iżżejjed. Nuqqas ta’ ndafa. Nuqqas ta’ lbies adegwat. Nuqqas t’attenzjoni għal problemi mediċi jew psikoloġiċi. 

L-abbuż fit-tfal jista’ jwassal ukoll għal abbużi minn sustanzi jew drogi iktar ‘il quddiem

Apparti diżabilitajiet fiżiċi u akkademiċi, l-abbuż fit-tfal jista’ jwassal ukoll għal abbużi minn sustanzi jew drogi iktar ‘il quddiem. Hemm ukoll effetti fl-imġiba fosthom imġiba vjolenti, attentati ta’ ħsara lilhom infushom u nuqqas ta’ abbiltajiet soċjali jew nuqqas ta’ abbiltà li wieħed iżomm relazzjoni ma’ persuna oħra.

Effetti mentali t’abbuż fit-tfal jistgħu jimmanifestaw ruħhom iktar ‘il quddiem fil-ħajja. Fost dawn insibu ansjetà u dipressjoni, problemi ta’ personalità u anke problemi ta’ ikel. 

Agħtu lit-tfal attenzjoni u mħabba

“Nappella biex lit-tfal nagħtuhom attenzjoni u mħabba f’mumenti bħal dawn. Ejja nirbħu l-fiduċja tat-tfal ħalli jkollhom ma’ min jistgħu jiftħu qalbhom u mhux nirrispondu b’rabja għal mistoqsijiet jew xewqat tagħhom. Jaf ikun hemm messaġġ moħbi li ma nkunux qegħdin nindunaw bih. Importanti ħafna li naraw li uliedna qed insegwuhom meta jkunu qegħdin fuq il-kompjuter. Tħallux tfal ma’ kompjuter waħedhom ġewwa kamrithom!  Uża ‘parental controls’ u itfa l-attenzjoni massima tiegħek speċjalment jekk it-tfal mhux qegħdin jitkellmu dwar xiex jew ma’ min qed jikkomunikaw fuq il-kompjuter,” qal it-tabib.

Share With: