“Ir-Renju Unit qiegħda tegħleb il-mewġa tal-Coronavirus” – Boris Johnson

Fl-ewwel diskors tiegħu wara li ħareġ mill-kura intensiva, il-Prim Ministru Brittanniku jgħid “Għadna qegħdin niffaċċjaw riskju kbir, u m’aħniex ser ineħħu l-miżuri b’mod prematur”

Fl-ewwel ġurnata tiegħu wara li rkupra mill-Covid-19, il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson saħaq li r-Renju Unit kien qiegħed idur il-paġna fil-ġlieda tiegħu kontra l-Coronavirus, pero appella lin-negozji tar-Renju Unit biex jibqgħu pazenzjużi.

Johnson irringrazzja lill-pubblika talli ssagrifikaw numru ta’ libertajiet bażiċi, u saħaq li kien qiegħed jifhem kemm ir-restrizzjonijiet huma diffiċli, partikularment għan-negozji, għall-intrapriżi u għas-settur tal-ospitalita. “Naf li l-ekonomija qegħda tbati. Pero, lil dawk li qegħdin jappellaw biex intaffu l-miżuri issa, nfakkarhom li dan ser ikun iżid ir-riskju tat-tieni mewġa ta’ mewt.”

“Qiegħed nara l-konsegwenzi fit-tul ta’ dan il-lockdown bl-istess mod ċar daqs ħaddieħor. U iva, naqsam magħkom dan il-bżonn li negħelbu dan il-virus mill-iktar fis. Pero, irridu nirrikonoxxu r-riskju tat-tieni mewġa, bir-riskju li nitilfu kontroll totali ta’ dan il-virus. Din ma twassalx biss għal mewġa ikbar ta’ mewt u mard, pero għal diżastru ekonomiku, fejn ikollna nerġgħu għal darba oħra nwaqqfu l-ekonomija tagħna fil-pajjiż kollu, b’tali mod li nkunu qegħdin nagħmlu ħsara ikbar lilna nfusna.”

Johnson saħaq li huwa ried lill-ekonomija Ingliża tirranka, “pero minix ser inħalli l-ħidma u s-sagrifiċċju tal-poplu Ingliż jinħela għal xejn.”

Il-Prim Ministru Ingliż wiegħed trasparenza assoluta mill-lum il-quddiem, liema stqarrija tista tiġi interpretata bħala referenza speċifika għal artiklu li deheru fuq il-ġurnali Ingliżi fuq l-ammont ta’ persuni li kienu qegħdin jiddeċiedu fuq il-miżuri tas-saħħa pubblika imposti, u fuq l-aħħar statistika miġbura mill-Gvern fuq l-imwiet u l-persuni infettati.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, kienet il-gazzetta The Guardian li żvelat kif fuq il-Kumitat tal-Prim Ministru li kien qiegħed jiddeċiedi fuq il-miżuri kontra l-COvid-19 (SAGE), kien hemm persuni bħal Dominic Cummings, il-Konsulent Prinċipali tal-Prim Ministur, kif ukoll persuni li ħadmu ħafna fil-kampanja favur it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Share With: