Irreġistrat it-tieni każ ta’ persuna pożittiv għall-Covid-19 fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far

11-il każ ġdid ilkoll ta’ trasmissjoni lokali

Matul dawn l-aħħar 24 siegħa l-każi ġodda ta’ persuni infettati bil-Covid-19 jammontaw għal 11-il każ. Qalet dan is-supretendent tas-Saħħa Pubblika waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħata aġġornament dwar il-każi ta’ coronavirus f’pajjiżna.

Il-Prof. Gauci qalet li matul dawn l-aħħar sigħat saru 659 swabs. Il-każi huma kollha ta’ natura ta’ trasmissjoni lokali.

S’issa saru 9702 test, li minnhom irriżultaw 213-il-każ pożittiv.

L-ewwel każ huwa dak ta’ mara Maltija ta’ 74 sena li lbieraħ marret l-isptar għal raġunijiet mhux assoċjati mal-coronavirus. hija rriżultat pożittiva minn testijiet li sarulha.

It-tieni każ jikkonċerna lil mara Maltija ta’ 50 sena li bdiet turi s-sintomi fil-25 ta’ Marzu li għadda. L-awtoritajiet qed jagħmlu testijiet fuq żewġ membri tal-familja tal-mara.

It-tielet każ huwa dak ta’ raġel Malti ta’ 46 sena li beda juri sintomi tal-Covid-19 fit-2 ta’ April.

Każ ieħor huwa ta’ tifla ta’ sentejn li żviluppat sintomi tal-virus fit-3 ta’ April.

Il-ħames każ huwa ta’ raġel barrani ta’ 26 sena li huwa residenti fiċ-Ċentru Miftuħ f’Ħal Far. Huwa mhuwiex relatat ma’ każ ieħor fl-istess ċentru li rriżulta pożittiv nhar il-Ħamis li għadda. Ħames persuni oħrajn li ġew f’kuntatt miegħu tpoġġew fi kwarantina.

Is-sitt każ huwa ta’ mara barranija li tgħix Malta li bdiet turi sintomi fl-1 ta’ April.

Każ ieħor huwa ta’ raġel barrani ta’ 24 sena li beda juri sintomi tal-marda fl-24 ta’ Marzu li għadda. L-awtoritajiet qed jagħmlu proċess ta’ contact tracing fuq sitt persuni oħrajn li jgħixu miegħu. Huma qed jagħmlu wkoll proċess ta’ risk assessment fuq il-post fejn jaħdem.

It-tmien każ jikkonċerna lil ħaddiem fis-settur tas-saħħa, li għandu 31 sena. Huwa beda juri sintomi fit-3 ta’ April. L-awtoritajiet qed jagħmlu contact tracing mal-pazjenti, impjegati oħrajn u persuni li jgħixu miegħu.

Id-disa’ każ huwa dak ta’ raġel barrani ta’ 31 sena.

L-10 każ jikkonċerna lil raġel Malti ta’ 66 sena li ddaħħal l-Isptar Mater Dei b’kundizzjoni li mhix relatata mal-Covid-19. Minn testijiet li sarulu rriżulta pożittiv.

L-aħħar każ huwa ta’ mara Maltija ta’ 40 sena li bdiet turi sintomi fit-28 ta’ Marzu li għadda.

Share With: