Irziezet fir-Renju Unit jarmu eluf ta’ litri ta’ ħalib minħabba l-pandemija

Jibżgħu li s-settur se jkun vittma tal-Covid-19

Ir-raħħala fir-Renju Unit jinsabu mħassba minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19.

Xi rziezet tal-baqar, inkluż dan li jidher fir-ritratt li jinsab f’Midlands sostnew li qed ikollhom jarmu eluf ta’ litri ta’ ħalib frisk u jemmnu li minħabba li r-rota tal-ekonomija mhix iddur, ma jifilħux idumu wisq sakemm ikollhom iċedu n-negozju.

Eluf ta’ litri ta’ ħalib frisk qed jispiċċaw fid-dranaġġ għax m’hemmx domanda għalih

Ir-rota tan-negozju normalment idawruha l-lukandi, il-kafetteriji u l-linji tal-ajru. L-Unjins fil-pajjiż qed isejħu laqgħat mal-gvern biex jaraw kif jistgħu jkunu ta’ sostenn għal dan is-settur.

Ir-raħħal li tkellem ma’ BBC bid-dmugħ f’għajnjeh qal li ħadd ma jaf kif se tispiċċa s-sitwazzjoni. Spjega li razzett tal-baqar ma jistax jieqaf għax il-baqar ma jistgħux ma jiklux u l-ikel jgħinhom biex jipproduċu l-ħalib li sfortunatament qed jispiċċa fid-dranaġġ.

“Ma nafux aħniex se nifilħu sakemm is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal”

Edward Hemming

Is-sidien tal-irziezet qed jibżgħu li mhux se jifilħu jibqgħu jarmu l-ħalib għal ħafna żmien u li meta jgħaddi kollox, mhux se jkun hemm biżżejjed produzzjoni biex tlaħħaq mad-domanda.

Share With: