Is-sitwazzjoni taċ-ċikliżmu … kemm lokali kif ukoll internazzjonali

Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu fis-sitwazzjoni preżenti tal-Covid-19 f’Malta, ukoll qed tistenna l-aħħar direttivi minn naħa tal-Gvern wara li ġimgħat ilu kien ħareġ avviż legali u pprojbixxa kull tip ta’ attività sportiva fil-pajjiż u għaldaqstant il-Federazzjoni ma kellhiex mod ieħor ħlief dak li tipposponi l-kompetizzjonijiet domestiċi b’mod indefinit.

Bis-sikurezza tal-atleti hija l-prijoritá tal-Federazzjoni Maltija, attwalment qed isir kull sforz possibbli biex tkun preparata għal dik il-ġurnata meta tingħata l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa biex tkun tista’ tibda ż-żewġ kampjonati tagħha li skond id-direttivi tal-UCI dawn iridu jsiru sal-aħħar ta’ Awwissu. Anke hemm il-ħsieb li s-26 edizzjoni tat-Tour ta’ Malta tista’ ssir iktar tard din is-sena. L-istess fuq il-parteċipazzjoni internazzjonali, il-Federazzjoni qed tistenna li jingħataw id-dati ġodda dwar il-parteċipazzjoni fil-Giro d’Italia Amatori fl-Italja u fl-International Solidarity Cycling Race fil-Polonja, fost l-oħrajn.

Intant il-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu, l-UCI f’messaġġ li bagħat lil federazzjonijiet kollha, l-President tal-UCI David Lappartient, semma’ li l-perjodu tas-sospensjoni tal-kompetizzjonijiet fuq il-Kalendarju tat-Toroq Internazzjonali issa ġie estiż b’xahar, sal-1 ta’ Lulju, u sal-1 ta’ Awwissu għall-avvenimenti UCI WorldTour.

It-Tour de France huwa pprogrammat li issa din is-sena ssir mid-29 ta’ Awwissu sal-20 ta’ Settembru. Il-Kampjonati Mondjali tat-Triq tal-UCI 2020 ser jinżammu f’Aigle-Martigny, fl-Isvizzera fid-dati skedati bejn l-20-27 ta’ Settembru. Il-Giro d’Italia se jsir wara l-Kampjonati Mondjali u se tkun segwita mill-Vuelta ta’ Spanja. It-tiġrijiet l-iktar prestiġjużi ta’ Milano-Sanremo u Lombardia fl-Italja, it-Tour des Flandres u Liege-Bastogne-Liege fil-Belġju u Pariġi-Roubaix fi Franza, dawn kollha ser isiru dan l-istaġun, fid-dati li għad iridu jiġu definiti. Hemm bosta avvenimenti oħra fil-Kalendarju Internazzjonali ta’ l-UCI, u b’mod partikolari l-UCI WorldTour, se jkunu jkunu pprogrammati mill-ġdid aktar tard fl-istaġun.

L-UCI, b’mod parallel u f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha kkonċernati, ser tkompli l-ħidma tagħha biex tkun tista tħabbar, mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2020, verżjoni riveduta tal-kalendarju tal-WorldTour tan-Nisa u verżjoni ġdida tal-Kalendarju  Internazzjonali kollu tat-tiġrijiet tal-irġiel u tan-nisa fid-dixxiplini kollha taċ-ċikliżmu. Dan il-kalendarju xorta waħda jibqa’ dipendenti fuq is-sitwazzjoni dinjija tas-saħħa.

F’messagg li bagħat lil Federazzjonijiet kollha, l-President tal-UCI David Lappartient iddikjara: “Nixtieq insellem lir-rappreżentanti tal-organizzaturi, timijiet u ċiklisti għall-kollaborazzjoni tagħhom u għall-impenn tagħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Għad għandna xogħol x’nagħmlu biex niffinalizzaw mill-ġdid il-Kalendarju Internazzjonali 2020 rivedut għal kollox minħabba din il-pandemija li ħasdet id-dinja, iżda l-ewwel pass importanti sar billi waqqafna qafas li jippermetti d-drittijiet fundamentali taċ-ċiklisti, tat-timijiet biex jiġu ppreservati, filwaqt li jippermetti li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għas-sopravivenza ta’ dawn it-timijiet. Flimkien, irridu ngħaddu u nirnexxu minn din il-kriżi u nibnu mill-ġdid iċ-ċikliżmu wara l-Covid-19.”

Min-naħa tal-Federazzjoni Ewropeja, l-UEC hija daqstant  konxja tal-konsegwenzi tal-kriżi tal-coronovirus li bħalissa tinsab għaddejja minnu l-Ewropa. Fil-fatt il-UEC iddeċiediet li jipposponi xi avvenimenti fuq il-kalendarju internazzjonali bħal Kampjonati tal-BMX, MTB u dawk Indoor tal-Juniors.

F’ċirkolari mibgħuta f’dawn l-aħħar jiem lil Federazzjonijiet membri, iffirmata minn Rocco Cattaneo u Enrico Della Casa, President u Segretarju Ġenerali rispettivament huma qalu li l-Bord tat-tmexxija tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-miżuri tas-saħħa imposti minn kull gvern, qed jissorveljaw bir-reqqa l-iżvilupp dwar is-sitwazzjoni u se jagħmlu dak kollu biex jiżguraw li jinstabu dati ġodda riveduti li se jinħadmu abbażi tad-disponibbiltà tal-Kalendarju Internazzjonali tal-UCI tal-posponiment tal-avvenimenti kif ukoll l-Assembleja Ġenerali li kellha ssir f’Marzu li għadda f’Tel Aviv.

Dawn id-deċiżjonijiet importanti huma ggwidati mix-xewqa tal-korp tat-tmexxija tad-dinja taċ-ċikliżmu biex jiżgura, kemm jista’ jkun, is-sigurtà tas-saħħa taċ-ċiklisti, timijiet, organizzaturi, imsieħba, midja u l-persuni kollha kkonċernati, inkluż il-pubbliku, kif ukoll kompetizzjonijiet ġusti għall-atleti u t-timijiet tagħhom.

Share With: