Isqof Malti fi New Mexico jerġa’ jibda jqaddes minkejja l-pandemija

Miktub minn Melvin Farrugia

L-Isqof ta’ Las Cruces fi New Mexico, Peter Baldacchino li hu mwieled f’Malta, iddeċieda li jikser l-ordni djoċesana li ma ssirx ċelebrazzjoni pubblika tal-quddiesa. Fil-fatt, hu ħareġ linji gwida dwar kif għandu jsir it-tqarbin u qal lill-qassisin li setgħu jkomplu bil-ministeru sagramentali tagħhom jekk isegwu l-prekawzjonijiet ordnati mill-awtoritajiet tas-saħħa. 

F’ittra li kiteb fil-15 ta’ April, Baldacchino qal li l-qassisin huma msejħin minn Alla u ordnati biex iservu lin-nies tad-Djoċesi ta’ Las Cruces ħalli jagħtuhom it-tama u konsolazzjoni waqt dan iż-żmien diffiċli. 

Din id-deċiżjoni ttieħdet ġranet biss wara li l-gvernatur ta’ New Mexico pprojbixxa laqgħat ta’ aktar minn ħames persuni. L-Isqof Baldacchino qal li l-qassisin iridu josservaw dawn ir-restrizzjonijiet, minkejja li hu oġġezzjona għalihom. 

B’hekk, Baldaccinho hu l-ewwel isqof Amerikani li emenda ordni djoċesana biex jagħmel quddiesa għall-pubbliku sa minn meta faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus. 

Barra minn hekk, hu ta l-benedizzjoni tiegħu lill-qassisin biex jagħmlu tiġijiet u funerali, dejjem skont ir-regoli tal-istat dwar id-distanza soċjali. Tahom ukoll permess biex dawn iċ-ċelebrazzjonijiet isiru barra fi proprjetajiet tal-Knisja sakemm iddum il-pandemija. 

Id-direttur tal-Komunikazzjoni ta’ din id-djoċesi kkonferma li rċieva din l-ittra u saħaq fuq il-bżonn li l-Knisja twassal it-tama f’dan iż-żmien diffiċli. Madankollu, hu qal li d-Djoċesi tħeġġeġ lill-Kattoliċi li huma f’żoni riskjużi biex ikunu prudenti u jibqgħu d-dar jaraw il-quddiesa minn fuq it-televiżjoni fejn possibbli.

Share With: