It-tabib Joe Ferriggi: “Is-sens komun jgħidlek ilbes il-maskra”

Minn CARMEN CACHIA

It-tabib Joe Ferriggi, li ilu fil-qasam mediku għal kważi 40 sena, spjega li fil-bidu tal-pandemija tal-Coronavirus l-użu tal-maskri ma kienx irrakkomandat. Issa kemm mill-esperjenza, kif ukoll mis-sens komun, huwa jemmen li tajjeb li nibdew nużawhom. Dan għas-sempliċi raġuni li jistgħu jgħinu bħala mezz ta’ prevenzjoni. Huwa qal li din mhix kwistjoni li l-gvernijiet jibdlu l-gwidi tagħhom, iżda kwistjoni li ninsabu f’sitwazzjoni fejn l-affarijiet qegħdin jinbidlu l-ħin kollu. 

It-tabib Joe Ferriggi

“Il-maskra ġid se tagħmillek, mhux deni. M’hemmx ċans noqogħdu nistennew konfermi mill-istudji. Dan minħabba li  jekk ma tittieħidx prevenzjoni, dawk il-persuni li jġorru l-virus u m’għandhomx sintomi jistgħu jkunu parti minn ħuġġieġa li twassal għal diżastru totali. Jekk tilbes il-maskra inti, tkun qiegħda tipproteġi lil dawk ta’ ħdejk u fl-istess ħin jekk persuna ħdejk tilbes il-maskra, din tkun qiegħda tipproteġi lilek u dan jgħin żgur,” spjega dan it-tabib.

Dr Ferriggi qal li dwar dan is-suġġett, il-pajjiżi huma maqsumin fl-opinjonijiet tagħhom iżda huwa jemmen li l-maskra tagħmel tip ta’ protezzjoni u għalhekk hija forma ta’ prevenzjoni. It-tabib qal li, “m’hemmx għalfejn maskra ta’ tip partikolari jew sofistikata. Ikun biżżejjed jekk tagħmel biċċa ċarruta”.

Il-fabbrika Bortex ta’ Malta fil-fatt fuq il-Facebook għadha kemm ħabbret li se tibda tipproduċi maskri u lbies protettiv għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u hawnhekk Dr Ferriggi qal li dan ukoll juri li l-maskri huma mezz ieħor ta’ prevenzjoni effettivi u li issa se jibdew jintużaw aktar. Dan barra li f’diversi pajjiżi, in-nies diġà jagħmlu użu mill-maskri meta joħorġu barra. 

Share With: