Il-konsulent li jmexxi l-IDU jgħid li fiequ aktar minn tnejn

Għalkemm uffiċjalment huma tnejn il-pazjenti li fiequ mill-coronavirus it-tabib li qed imexxi l-Infectious Disease Unit (IDU) fl-Isptar Mater Dei huwa tal-fehma li hemm nies oħrajn li fiequ.

Dr Charles Mallia Azzopardi kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-pubbliku waqt konferenza virtwali mxandra fuq il-profil tal-Facebook tal-Isptar Mater Dei.

Huwa irrikonoxxa li hemm bosta li qed jistaqsu kif sa issa kienu tnejn biss li fiequ u kien hawn li sostna li n-numru ta’ dawk li fiequ huwa “ħafna ikbar”.

Fl-istess waqt iċċara li huma jqisu li pazjent fieq meta jsirulu diversi ‘swabs’ u jirriżultaw negattivi u peress li daħlu linji gwida ġodda l-‘swabs’ qed jistennew ir-riżultat ta’ dawk li saru fuq nies pożittivi.

Dr Mallia Azzopardi spjega kif fil-każijiet ta’ pazjenti li huma pożittivi imma ma jkollhomx sintomi gravi dawn qed jinżammu d-dar u qed jiġu segwiti imma jkun hemm bżonn li jsiru numru ta’ ‘swabs’ qabel jiġu ‘cleared’.

Huwa żied li huma ftit il-każijiet ta’ dawk li għandhom il-virus u qegħdin jinżammu l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni u kura u xejjen l-impressjoni li qed tingħata minn filmati mxandrin barra li l-maġġoranza tan-nies milquta jispiċċaw bi problemi kbar.

Dr Mallia Azzopardi sostna li huwa persentaġġ żgħir ta’ nies li jkollhom kumplikazzjonijiet u bżonn ta’ kura fl-isptar bit-trattament li jingħataw jinkludi dak biex ma jispiċċawx ‘dehydrated’, ossiġnu f’każ ta’ qtugħ ta’ nifs u dawk li sejjaħ “mediċini speċifiċi” kontra l-coronavirus.

Huwa kompla li dawk li jitħallew joqgħodu d-dar għax għandhom il-virus ikunu biss taħt osservazzjoni u jiġu ikkuntattjati regolarment biex jiġi stabbilit kif inhuma.

Waqt li semma kif hemm grupp fl-Isptar Mater Dei li ta’ kuljum jiltaqa’ biex isegwi l-aħħar żviluppi marbuta mal-coronavirus, Dr Mallia Azzopardi żied li rigward il-vaċċin qabel erba’ jew sitt xhur żgur li mhux se jkollna wieħed.

Huwa spjega li l-ħolqien ta’ vaċċin huwa proċess ikkumplikat għax jinvolvi l-injezzjoni tiegħu fil-ġisem u l-possibilita li dan jibqa’ hemm għal żmien twil u għalhekk hemm bżonn ta’ ċertu prekawzjonijiet.

Share With: