It-tfal fi Spanja mistennija jitħallew joħorġu wara numru ta’ ġimgħat msakkrin fi djarhom

It-tfal Spanjoli ilhom jinżammu ġewwa djarhom sa mill-14 ta’ Marzu li għadda bħala parti mill-miżuri stretti sabiex tkun kontrollata l-firxa tal-pandemija tal-Covid-19.

Fl-aħħar ħin il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez qal li l-ħsieb tiegħu u li fis-27 ta’ April dawn ikunu jistgħu tal-anqas jitħallew “jieħdu ftit arja friska”. Is-Sindku ta’ Barċellona Ada Colau li għandha ulied minorenni hi stess, din il-ġimgħa talbet lill-gvern biex jikkunsidra li jħalli lit-tfal jitħallew joħorġu barra. Fi Spanja kien hemm aktar minn 20,000 persuna li tilfu ħajjithom kawża ta’ dan il-virus u kważi 200,000 każ ta’ persuni li ġew konfermati bħala infettati.

Sánchez fil-messaġġ li għadda fuq il-mezzi tax-xandir qal li se jkun qed jitlob lill-parlament biex jestendi l-perjodu ta’ stat ta’ allarm sad-9 ta’ Mejju u dan hekk kif il-kisbiet li saru minkejja li huma pożittivi, għadhom fi stat ta’ fraġilità u deċiżjonijiet mhux f’posthom jistgħu jwasslu biex jintilef il-kontroll li nkiseb.

Share With: