“It-tfal m’għandhomx ibatu l-abbuż minħabba l-frustrazzjoni tal-ġenituri”

Minn MARIA AZZOPARDI

It-tfal bħalna l-kbar f’dawn iż-żminijiet ta’ incertezza jkunu wkoll qed jesperjenzjaw tibdil drastiku fir-rutina tagħhom tas-soltu, ta’ meta kienu jattendu l-iskola. Il-Kummissarju għat-tfal Pauline Miceli qalet li għal dawk it-tfal li għalihom id-dar ma toffrix il-wens jista’ jkun żmien iktar difficli.

Miceli f’kummenti ma’ Inewsmalta sostniet li hemm il-fatt li t-tfal fortunatament qed jibqgħu f’kuntatt mal-għalliema u jingħataw ix-xogħol x’jagħmlu. Dan jista’ jservi wkoll bħala mezz ta’ komunikazzjoni biex ma jħossuhomx weħidhom, mitlufin u abbandunati. 

Miceli semmiet kif hemm diversi għalliema, guidance teachers u counsellors li permezz tal-email baqgħu isegwu l-istudenti tagħhom filwaqt li hemm ukoll is-servizzi ta’ għajnuna tas-settur tal-edukazzjoni li jista’ jiġi aċċessat permezz tal-2598 1000. 

Il-Kummissarju għat-Tfal qalet li l-mezzi teknoloġiċi jistgħu jservu wkoll biex it-tfal iżommu l-kuntatt mal-ħbieb filwaqt li jtaffi ftit mill-istress u t-tensjoni. “Dan sakemm l-agressuri ma jkunux qed iċaħħdu lit-tfal mill-użu tat-teknoloġiji. Hemmhekk is-sitwazzjoni tispiċċa waħda iktar inkwetanti,” qalet Miceli.

Mhux ħaġa tajba li nħallu t-tfal għal żmien twil jilagħbu bil-gadgets mingħajr ma nintebħu fejn qed jimirħu basta qegħdin kwieti

Il-Kummissarju għat-tfal Pauline Miceli

Hija żiedet tgħid li normalment dawn it-tfal ikunu diġa taħt ir-radar tas-servizzi ta’ protezzjoni li mhux biss baqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom iżda wkoll wessgħu l-firxa tas-servizz biex kull min iċempel il-179 ikun jista’ jinqeda.

Filwaqt li jeżistu l-aspetti pożittivi tat-teknoloġiji moderni li jistgħu iħallu t-tfal  f’kuntatt kontinwu mad-dinja ta’ madwarhom meta qegħdin maqfulin id-dar mal-ġenituri, il-Kummissarju għat-tfal qalet li wieħed għandu jifhem ukoll li dan huwa żmien diffiċli għal dawk il-ġenituri li ħabta u sabta jsibu ruħhom bla xogħol u minħabba dan l-isfidi għalihom u għal uliedhom fid-dar ikunu ikbar. “Infakkru pero li t-tfal qatt ma għadhom jispiċċaw ibatu l-abbuż minħabba il-frustrazzjoni tal-ġenituri li għandhom id-dover li jħarsuhom dejjem,” wissiet Miceli.

Hija sostniet li huwa tajjeb li t-tfal jkollhom attivitajiet tul il-ġurnata li jistgħu jagħmlu, pero qalet li jkun aktar għaqli jekk il-ġurnata tiġi ppjanata flimkien magħhom u naraw li nħalluhom ukoll il-ħin għall-logħob kif jixtiequ huma. 

Hija qalet li, “Mhux ħaġa tajba li nħallu t-tfal għal żmien twil jilagħbu bil-gadgets mingħajr ma nintebħu fejn qed jimirħu basta qegħdin kwieti. Il-perikli li soltu nitkellmu dwarhom bħalma huma nies li jistgħu japroffittaw ruħhom mit-tfal u adoloxxenti u jaqgħu fin-nassa tal-abbuż qegħdin hemm ukoll.”

Il-Kummissarju għat-tfal appellat biex wieħed jitkellem magħhom meta jinduna jew jinnota xi ħaġa li tista’ tkun qed tinkwetahom.  Hija fakkret li f’sitwazzjonijiet bħal dawn dejjem hemm għajnuna jew mill-179 jew inkella ċ-childweb alert f’sitwazzjonijiet bħal dawn filwaqt li għall-adoloxxenti jeżisti wkoll is-servizz ta’ kellimni.com.

Share With: