“It-tfal m’għandhomx ikunu arma bejn il-ġenituri” – Il-Ministru Michael Falzon

Il-Ministru għall-Familja Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ħabbar li llum se jkun qed jiġi ppreżentat rikors fejn qed jitolbu l-Qorti biex tawtorizza l-makkinarju u li t-teknoloġija qiegħda f’postha biex tassigura li dawk il-persuni li għandhom aċċess għat-tfal, se jsir u jibqa’ jsir taħt superviżjoni imma jsir b’mezzi elettroniċi. Dan ir-rikors mressaq ikopri dawk il-persuni li huma taħt il-kura tal-Istat, jiġifieri tfal li għandhom care order.

Il-Ministru Falzon qal li sfortunatament kien hemm każijiet fejn in-nies użaw din is-sitwazzjoni preżenti biex b’xi mod jew ieħor iċaħħad lill-partner l-iehor milli jkun hemm aċċess għat-tfal. Il-Ministru qal li jirrispettaw kull deċiżjoni tal-qorti imma t-talba qed jagħmluha għax hija ġġustifikata.

Il-Ministru Falzon qal li huwa reat kriminali meta xi ħadd mill-partners iċaħħad lill-partner l-iehor jew l-oħra milli jkun hemm aċċess għat-tfal anke b’mezzi elettroniċi. 

Huwa fakkar li ftit ilu huma kienu ressqu talba lill-Qorti fejn talbu li l-aċċess fiżiku, għal raġunijiet ta’ prevenzjoni marbuta mal-imxija tal-Covid-19, jiġi sospiż u l-qorti kienet laqgħet din it-talba.

Madankollu, il-Ministru Falzon qal li dan ma jfissirx li partner jista’ juża’ din is-sitwazzjoni biex isawwat lill-partner l-ieħor jew l-oħra. Il-Ministru enfasizza li t-tfal m’għandhomx ikunu arma bejn il-ġenituri filwaqt li sostna li huwa att kriminali li wieħed ma jagħtix aċċess għat-tfal u li dan jista’ jaffaċċja azzjonijiet kriminali kontrih.

Share With: