It-Tour de France huwa pospost minħabba l-coronavirus

It-Tour de France mistenni jkun pospost wara li l-Gvern Franċiż qal li l-ebda attività tal-massa ma tista’ ssir fil-pajjiż qabel il-15 ta’ Lulju minħabba l-imxija tal-coronavirus. Il-107 edizzjoni tat-Tour de France kienet mistennija tibda f’Nizza, fis-27 ta’ Ġunju, u tintemm f’Pariġi, fid-19 ta’ Lulju. L-organizzaturi diġà warrbu l-idea li l-edizzjoni ssir mingħajr spettaturi u kienu qed jitkellmu mal-awtoritajiet tal-pajjiż biex l-istadji jsiru f’dati alternattivi.

Minħabba l-importanza tat-Tour de France għall-ekonomija taċ-ċikliżmu, il-possibbiltà li l-edizzjoni titħassar qed tinżamm bħala l-aħħar għażla. Iċ-ċikliżmu ilu wieqaf minn meta t-tellieqa bejn Pariġi u Nizza spiċċat ġurnata qabel fl-14 ta’ Marzu, bit-tlielaq ta’ wara kollha jkunu posposti jew ikkanċellati. L-Union Internazzjonali taċ-Ċiklisti qalet li qed taħdem ma’ dawk involuti biex jinħoloq kalendarju għal din is-sena bi prijorità lejn it-Tours il-kbar u t-tlielaq ta’ ġurnata waħda. Il-Giro d’Italia li kellu jibda fid-9 ta’ Mejju f’Budapest, diġà ġie pospost.

L-edizzjoni tat-Tour de France tas-sena l-oħra ntrebħet minn Egan Bernal ta’ Team Ineos. L-istess team rebbieħ ta’ seba’ mill-aħħar tmien edizzjonijiet, kien mistenni jkollu tliet rebbieħa tal-passat din is-sena. Iż-żewġ ċiklisti oħra huma Geraint Thomas, li hu r-rebbieħ tal-2018, u l-erba’ darbiet rebbieħ Chris Froome li kien mistenni jirritorna wara li weġġa’ serjament is-sena l-oħra waqt il-Criterium du Dauphine.

Il-Union Internazzjonali taċ-Ċikliżmu ma qablitx mal-posponiment tal-Olimpjadi u tal-Paralimpjadi, l-aktar minħabba l-fatt li tilfet ħafna mid-dħul finanzjarju tagħha minħabba dan.

S’issa, ir-Road World Championships li se jsiru lejn tmiem Settembru li ġej fl-Isvizzera għadhom fis-seħħ u se jkunu qed jiġu organizzati skond kif skedat.

Share With: