Iż-żewġ anzjani Maltin li nqabdu fuq il-cruiseliner Colombus fi triqtu lejn l-Ingilterra se jidħlu Malta

Il-cruiseliner mhux se jitħalla jidħol fil-portijiet Maltin

Se tiddaħħal lura f’pajjiżna l-koppja Maltija li nqabdet fuq il-cruiseliner Colombus u li talbet l-għajnuna tal-Gvern Malti.

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru Ian Borg u mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci.

Iż-żewġ anzjani ta’ 70 sena se jidħlu Malta mingħajr ma jitħalla jidħol fil-portijiet tagħna l-cruiseliner li jinsabu fuqu u li se jaqbad triqtu lejn l-Ingilterra.

Id-deċiżjoni, fil-fatt, tgħid li l-awtorità Transport Malta torganizza trasport għaż-żewġ anzjani permezz ta’ lanċa li toħroġ għall-koppja meta l-cruiseliner ikun qed jieħu l-fjuwil 20 mil ’il bogħod minn Malta. Il-ħaddiema u l-baħħara involuti se jkunu lebsin l-ilbies protettiv kollu meħtieġ bħala prekawzjoni.

Malli jaslu f’Malta ż-żewġ anzjani, li jbatu minn kundizzjonijiet mediċi kroniċi u meqjusa wkoll bħala persuni vulnerabbli, se jinżammu fi kwarantina obbligatorja.

Il-Gvern Malti se jkompli jaħdem biex jgħin liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin fl-isfida globali tal-Covid-19.

Share With: