Jinfetaħ ċentru mediku ġdid f’Ħal Far sabiex jilqa’ b’mod aħjar it-tixrid ta’ COVID-19 fost il-komunità tal-immigranti

Minn din il-ġimgħa ser jibda jopera ċentru ġdid f’Ħal Far bħala parti mill-miżuri ta’ kontinġenza li qed jittieħdu kontra l-imxija ta’ COVID-19. Din il-binja tinsab viċin taċ-ċentru miftuħ li r-residenti tiegħu ġew mitluba josservaw perjodu ta’ kwarantina.

Ix-xogħol fuq ir-rinovar f’din il-binja beda qabel ġie kkonfermat l-ewwel każ ta’ infezzjoni mill-virus ġewwa ċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ddeċieda li din il-binja tintuża sabiex toffri kura adegwata lir-residenti taċ-ċentru u tilqa’ f’parti oħra tagħha residenti oħra li jkunu mistennija joqogħdu f’iżolament. 

Sabiex jiġi aċċertat li tingħata l-aqwa attenzjoni lill-persuni kollha li ser ikunu qed jgħixu f’dan il-post, l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu Ażil (AWAS) ser tkun qed tmexxi dan il-post b’kollaborazzjoni ma’ membri, tobba u infermiera mis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar u l-Awtoritajiet tas-Saħħa. Din hija t-tieni inizjattiva mas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar wara li ftit tal-ġimgħat ilu nfetħet klinika ġdida biswit iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

Iċ-ċentru ġdid ser ikun jista’ jilqa’ fih madwar 150 persuna miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u kull min ser ikun qed joqgħod fih huwa obbligat li jagħmel perjodu ta’ kwarantina. Din l-inizjattiva ssegwi oħra tax-xorta tagħha fejn fil-bidu ta’ Marzu ġew trasferiti 50 resident ieħor għal ċentru ieħor ġewwa Ħal Far stess. Għaldaqstant dawn iż-żewġ inizjattivi flimkien ser ifissru li l-ammont ta’ persuni li jgħixu flimkien fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se tonqos b’20%.

Bis-saħħa ta’ dawn l-inizjattivi, ser tonqos il-pressjoni kemm minn fuq iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u kif ukoll minn fuq il-qasam tas-saħħa pubblika. Il-Ministeru tal-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi huwa kommess li jħares bl-aħjar mod is-saħħa ta’ dawk kollha li jgħixu fiċ-ċentri tal-immigranti.

Share With: