Jinżamm arrestat wara li pprova jaħrab mill-Pulizija wara li allegatament kien qiegħed ikun segwit dwar traffikar ta’ droga

Jean Claude Cassar ta’ 20 sena residenti l-Kalkara baqa’ jinżamm arrestat wara li pprova jaħrab mill-Pulizija wara li allegatament kien qiegħed ikun segwit dwar traffikar ta’ droga.

Kien is-Sibt li għadda, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija, x’ħin il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu qegħdin isegwu vettura – Toyota Corsa – assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, fil- Kalkara.

Waqt li kienu fi Triq ix-Xatt, żewġ vetturi tar-Rapid Intervention Unit (RIU) għalqu t-triq sabiex iwaqqfu l-vettura li kienet qed tkun segwita. Minkejja li l-vetturi tal-Pulizija kellhom d-dwal mixgħulin, it-Toyota Corsa baqgħet dieħla f’waħda mill-vetturi tal-Pulizija, bil-konsegwenza li Kuntistabbli tal-Pulizija ġarrab xi ġrieħi.

Mal-ħabta, ix-xufier ħareġ mill-vettura u telaq jiġri fid-direzzjoni tax-xatt tal-Kalkara, fejn għamel ħsara fuq vettura oħra tas-servizz. Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tar-RIU bdew isegwuh, qabduh u arrestawh.

Minn tfittxija li saret fuq ix-xufier, instabu sustanzi llegali suspettati kokaina u eroina, waqt li minn aktar stħarriġ li sar irriżulta li s-sewwieq ma kellux liċenzja tas-sewqan, kif ukoll il-vettura li kien qiegħed isuq kellha l-liċenzja skaduta.

Il-Kuntistabbli ttieħed ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.

Cassar tressaq quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech waqt li ż-żagħżugħ kellu jassistih l-Avukat George Anton Buttigieg.

Aqra wkoll:

Ħabat f’karozza tal-Pulizija sabiex jipprova jaħrab lill-Pulizija
Share With: