Jitilgħu għal 53 is-suldati assistiti mill-GWU

Minn Claudio Coleiro, Filmat Alan Saliba

Żdiedu għal 53 in-numru ta’ suldati li se jkunu qed jiġu assistiti mill-General Workers’ Union b’rabta mal-allegazzjoni li saret mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Dan ħabbru s-Segretarju tat-Taqsima responsabbli mill-Forzi Dixxiplinati fi ħdan il-GWU, Theo Vella, f’kummenti li għadda lil dan il-ġurnal. 

Dr Azzopardi kien ippreżenta kwerela f’isem l-għaqda Repubblika fejn żamm lill-Prim Ministru, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi u lil numru ta’ suldati responsabbli għall-mewt ta’ immigranti li kienu fuq il-baħar.

Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Vella qalilna li għalkemm mhijiex il-prassi li fejn ikun hemm allegazzjonijiet kriminali l-union toffri s-servizzi legali tagħha, f’dan il-każ partikolari ħasset li kellha tintervjeni wara li ġie nnutat fost oħrajn li d-denuzja li saret mill-għaqda lill-Pulizija, saret mhux abbażi ta’ evidenza li kellha hi imma abbażi ta’ informazzjoni li ġabret mill-midja internazzjonali. 

Huwa stqarr li malli l-Ġimgħa filgħaxija tħabbar li se jkun hemm inkjesta maġisterjali fuq l-imsemmija allegazzjonijiet, diversi suldati membri fi ħdan l-union li kienu fuq il-patrol boat P52, innegaw mill-ewwel dak kollu li kien qed jingħad.

“Dan ma kienx biżżejjed. Ħassejt li kelli nkellem il-kumitat fi ħdan il-GWU li jirrappreżentaw lill-Armata biex jiġbruli kemm jista’ jkun informazzjoni. Għamilna lejl sħiħ niġbru l-informazzjoni u flimkien mal-Avukat, bqajna għaddejjin anke matul il-weekend fil-ġbir tal-informazzjoni,” spjega Vella.

Huwa semma kif wara li ħarġet fil-midja li l-GWU se tkun qiegħda tirrappreżenta xejn inqas minn 44 suldat, issa kien hemm żvilupp ġdid fejn issa dawn żdiedu għal 53. “Bħala union se nirrappreżentaw 53 ruħ. Mhux qed ngħid li 53 ruħ biss se jiġu investigati. Jista’ jkun li jkun hemm iżjed. L-union kellha talba li lesti jieħdu l-pariri u l-gwidi legali tagħna 53 ruħ sal-lum.”

Vella kompla jgħid li wieħed irid jammira d-dedikazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema li bħala medja s-sigħat ta’ xogħol tagħhom huwa ta’ 47 siegħa fil-ġimgħa u wara dawk is-sigħat ma jitħallsux ċenteżmu wieħed żejjed. “Għadna f’sitwazzjoni, u konna qed ninnegozjaw pakkett għas-suldati, illi ma jeħdux kumpens finanzjarju tax-xogħol żejjed li jagħmlu. Is-sigħat ta’ xogħol ta’ dawk li joħorġu barra bħala medja huwa ta’ 56. Meta jinqbdu fuq xi operazzjoni, il-bambin biss jaf kemm jagħmlu aktar.”

“Wara li analizzajna kollox, ikkomunikajt mal-amministrazzjoni tal-GWU u ma’ Dr Herman Mula minħabba li kien se jkollna bżonn nidħlu legalment għal dawn il-ħaddiema, għax kien evidenti li dawn ma għamlu xejn ħażin,” qal Vella li fakkar kif riċentament wara li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 u ġiet iddikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika f’pajjiżna, bħala GWU intlaħaq ftehim mal-Gvern bil-koperazzjoni tal-amministrazzjoni tal-armata biex dawk li jiġu msejħa biex jaħdmu sigħat ta’ xogħol aktar mill-ħin normali tagħhom jingħataw kumpens. 

“Allura aħna stajna nippemettu li nagħmlu dan kollu għas-suldati u ħaddieħor idaħħalhom fi spejjeż legali oħra? Għaldaqstant kburin li se nkunu t-tarka ta’ dawn il-ħaddiema u fiduċjużi wkoll illi eventwalment ukoll li se joħroġ biċ-ċar kemm huma nies professjonali,” qal Vella.

Is-Segretarju Vella żied jinnota wkoll li issa li bħal donnu jidher li l-għaqda Repubblika qed jiddispjaċiha ta’ dak li għamlet, tal-inqas fil-konfront tal-ekwipaġġ, “minimament li jistgħu jagħmlu huwa li jiskużaw ruħhom magħhom.”

Share With: