Jum id-Duluri differenti minn dak tas-soltu minħabba l-coronavirus

Ritratt: Roger Azzopardi

Il-Knisja Kattolika llum tfakkar Jum id-Duluri. Jum importanti għall-Insara bi tħejjija għall-Ġimgħa Mqaddsa. Però din is-sena hija ferm differenti minn snin oħra.

Dan għaliex il-familji se jkollhom joqogħdu fi djarhom minħabba s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-coronavirus. Din il-pandemija li laqtitna bħal sajjetta fil-bnazzi wasslet ukoll biex jitħassru l-purċissjonijiet kollha li kellhom isiru f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u anke dawk tal-Ġimgħa l-Kbira.

Intant fi stqarrija maħruġa mill-Kurja ntqal li Jum id-Duluri, fuq talba tal-Arċisqof il-quddies ser jixxandar mill-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta, fejn jinsabu meqjuma x-xbihat devoti tal-Kurċifiss mirakoluż u tad-Duluri li s-soltu toħroġ f’pellegrinaġġ mat-toroq tal-Belt.

Il-Quddiesa tad-9:30 a.m, segwita mit-talba tar-Rużarju, se titmexxa mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Il-Quddiesa tal-5:30 p.m, li wkoll se tkun segwita mit-talba tar-Rużarju, se titmexxa mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna,.

L-Insara huma mistiedna jingħaqdu fit-talb mal-Isqfijiet waqt il-Quddies li ser jixxandar fuq TVM2, NET, ONE, Xejk, Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Share With: