Kundanna assoluta għall-attakk sistematiku li qed isir fuq membri tal-Forzi Armati ta’ Malta – PL

Fi Stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li huwa tassew ta’ min jistmerru l-azzjoni li ħadu l-Kelliem tal-Ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi flimkien mal-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier u l-Avukat Andrew Borg Cardona, fost oħrajn, fil-konfront tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, partikolarment l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52.

Il-Partit Laburista kkundanna bla riservi dan l-attakk sistematiku li qed isir fuq membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li jagħtu saħħithom, b’ħinijiet twal fuq il-baħar, ‘il bogħod mill-familji tagħhom u dan kollu waqt li ħajjithom tkun f’riskju għax qed ikunu qed jiddefendu u jaraw li l-interessi ta’ pajjiżhom stess, ikunu ssalvagwardjati. Li jispiċċaw ikunu singled out membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, hija tattika li ġġib stmerrija.

Fost raġunijiet oħra l-PL kompla li l-ewwel u qabel kollox għax il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien ma’ din il-patrol boat u l-ekwipaġġ tagħha kienu minn ta’ quddiem sabiex salvaw eluf ta’ ħajjiet minn fuq il-baħar. It-tieni, iż-żmien partikolari li għaddejjin minnu bħalissa, meta r-riżorsi kollha tal-pajjiż huma użati sabiex tkun miġġielda l-imxija ta’ Covid-19, fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta li lkoll qegħdin ikunu ‘il bogħod mill-familji tagħhom u s-sigurtà ta’ darhom.

Il-Partit Laburista tenna jgħid li hu ma jikkundannax lil dawn l-eroj kif qed jagħmlu nies bħal Jason Azzopardi, iżda jirringrazzjahom tal-ħidma bla waqfien tagħhom.

Share With: