L-awtoritajiet Maltin jikkordinaw salvataġġ ta’ dgħajsa bl-immigranti li telqet mil-Libja

Iċ-Ċentru Malti ta’ Kordinazzjoni tas-Salvataġġ ikkordina salvataġġ ta’ dgħajsa bl-immigranti li telqet mil-Libja u li wara xi jiem fl-ibħra Libjani, daħlet fiż-Żona Maltija ta’ Tiftix u Salvataġġ. 

Id-dgħajsa inkwistjoni kienet diġà ilha numru ta’ ġranet f’diffikultà fiż-Żona ta’ Salvataġġ tal-Libja, jiġifieri mhux dik Maltija. L-Unjoni Ewropea kienet taf b’dan tant li waqt li d-dgħajsa kienet wieqfa fiż-Żona ta’ Salvataġġ Libjana, għamlet titjiriet permezz tal-ajruplani tagħha, iżda ma bagħtet ebda bastiment biex jiġborhom.

Iċ-Ċentru Malti mexa mill-ewwel mal-proċeduri stabbiliti ta’ koordinazzjoni meta d-dgħajsa ġiet irrappurtata li tinsab fl-SAR/SRR Malti, u bagħat l-informazzjoni meħtieġa permezz ta’ dak li huwa magħruf bħala NAVTEX. 

Il-Forzi Armati ta’ Malta għamlu wkoll numru ta’ titjiriet biex jillokalizzaw fejn kienet tinsab din id-dgħajsa, malli din kienet irrappurtata li tinsab fl-SRR Malti. Waqt titjira minnhom, id-dgħajsa ġiet lokalizzata u l-Forzi Armati Maltin sejħu xi bastimenti li kien hemm fil-viċin sabiex jassistu.

Fil-fatt, l-immigranti ġew assistiti permezz ta’ bastiment kummerċjali, li ntbagħat fil-post fejn kienet tinsab id-dgħajsa biex jassisti. Bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera Libjana mbagħad għabba lill-immigranti abbord. 

Jingħad ukoll li f’dak il-waqt, il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed jikkordinaw waħidhom erba’ każijiet oħra simili, fl-istess ħin.

Waqt li Malta għadha twettaq ħidma ta’ kordinament f’diversi każijiet ta’ dgħajjes bl-immigranti, il-Gvern Malti jibqa’ jtenni l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tniedi missjoni umanitarja fil-Libja biex in-nies ma jibqgħux jirriskjaw ħajjithom billi jaħarbu minn dan il-pajjiż.

Il-Gvern Malti jtenni l-impenn tiegħu kontra t-traffikar tal-immigranti u kontra dawk li qegħdin ikomplu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar irregolari.

Share With: