L-ebda każ wara 7 ġimgħat tal-pandemija; Fil-jiem li ġejjin il-Gvern jibda jħares lejn il-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-miżuri

Wara seba’ ġimgħat mindu bdiet il-pandemija f’pajjiżna, fejn l-ewwel każ kien reġistrat nhar is-7 ta’ Marzu li għadda, mit-testijiet li saru matul dawn l-aħħar 24 siegħa ma rriżulta l-ebda każ ta’ persuni infettati bil-Covid-19.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-ħin ilu.

Filwaqt li ddeskriva dan l-iżvilupp bħala wieħed pożittiv, il-Ministru Fearne qal li s-sagrifiċċji li kellhom isiru matul dan il-perjodu se jwassal biex il-Gvern fil-jiem li ġejjin se jkun qed iħares lejn il-miżuri li ddaħħlu biex tiġi kkontrollata l-pandemija tal-Covid-19 u jibda jirrevedihom. Fearne indika li fost l-ewwel li se jkunu jittaffew huma dawk li jikkonċernaw lil servizzi tas-saħħa. Fl-istess waqt saħaq li dan se jkun qed jiddependi minn kemm it-trend tibqa’ kif inhi matul il-jiem li ġejjin.

Huwa tenna li filwaqt li s-saħħa tal-poplu hija prijorità, ir-reviżjoni tal-miżuri se jkunu qed jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-aspett soċjali u anke dak ekonomiku.

Id-Deputat Prim Ministru min-naħa l-oħra wissa dwar ir-riskju ta’ tieni mewġa ta’ każi kaġun tar-reviżjoni tal-miżuri. “Irridu noqoħdu attenti li din it-tieni mewġa nżommuha kemm jista’ jkun taħt kontroll. Ma rridux li jkollna mewġa kbira ta’ każi ġodda,” tenna Fearne.

Huwa mefasizza wkoll dwar l-importanza li persuni sintomatiċi għall-Covid-19 jibqgħu jersqu ’l quddiem u jagħmlu t-testijiet neċessarji.

Share With: