L-effett tal-Coronavirus fil-Belt Valletta

Fl-aħħar jiem il-poplu Malti bħal donnu daħal f’qoxortu u grazzi għall-avviżi legali maħruġa fl-aħħar jiem fuq suġġeriment tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-maġġoranza tal-poplu donnu qed jifhem li jeħtieġ li jkun hawn perjodu ta’ sagrifiċċju biex inkunu nistgħu negħlbu dan il-virus.

Ritratt miġbud minn inewsmalta aktar kmieni wara nofsinhar juri Triq ir-Repubblika x’aktarx kif qatt ma konna nimmaġinaw li se tidher għall-ħabta tas-2 p.m. Dan ir-ritratt juri biċ-ċar l-effett tal-għeluq tal-ħwienet f’din it-triq u l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu biex jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid ta’ dan il-virus.

Is-sidien tal-ħwienet kienu tkellmu ma’ dan is-sit lura f’Diċembru li għadda u kienu qed jittamaw li din is-sena 2020 kellha tagħmel tajjeb għal dak li ntilef fl-aħħar żmien tas-sena li għaddiet minħabba diversi protesti li saru fiż-żona.

Intant fl-aħħar jiem il-gvern ħabbar li se jkun qed jimbotta kemm jista’ biex kemm jista’ jkun ma jintilfux impjiegi. Il-Prim Ministru spjega li bis-saħħa tal-għaqal ta’ dan il-gvern qed jinħarġu pakketti ta’ għajnuniet li se jgħinu l-familji Maltin u Għawdxin f’dan il-perjodu ta’ sfida. Mhux biss, hu ma eskludiex li dawn il-miżuri jistgħu jiġu aġġornati skont is-sitwazzjoni fil-pajjiż.

Share With: