L-Eredivisie Olandiż mitmum ukoll

Il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte informa lill-mezzi tax-xandir tal-pajjiż li wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti fil-kampjonat, ġie deċiż li l-Eredivisie jispiċċa hawn. Dan ġie kkonfermat wara li Rutte iddikjara li minħabba l-emerġenza tal-Covid-19 mhux se jsiru attivitajiet tal-massa sal-1 ta’ Settembru. B’hekk ma kienx se jippermetti li jkun hemm logħob tal-football lanqas bil-bibien magħluqa minħabba li anke l-players jafu jkunu esposti għal xi forma ta’ tixrid ta’ dan il-virus apparti li jrid ikun hemm il-forzi tal-ordni preżenti f’kull partita.

Skont Rutte dan kollu jista’ jwassal għal sitwazzjoni agħar milli jinsabu fiha u huwa għalhekk li ddikjara li l-istaġun 2019/20 tal-football domestiku fl-Olanda bħala mitmum.

Din id-deċiżjoni tkompli ma’ dik li ttieħdet ftit tal-kilometri ‘l bogħod mill-Olanda fejn anke l-Jubiter League fil-Belġju ġie dikjarat mitmum bi Bruges li spiċċaw bħala champions.

Bħalissa fil-klassifika tal-Eredivisie, Ajax u AZ Alkmaar jinsabu  b’punti indaqs u għalhekk l-assoċjazzjoni tal-football Olandiża għandha tiddeċiedi x’se jiġri f’dan ir-rigward. 

Share With: