L-iskola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex se tinbena fil-kampus edukattiv eżistenti

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici dalgħodu ħabbar fuq il-midja soċjali li wara li saret diskussjoni u konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi stakeholders, intleħaq ftehim dwar is-sit fejn għandha tinbena l-iskola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex. 

Bonnici qal li ġie deċiż li jkun jagħmel ħafna sens li l-iskola primarja l-ġdida tkun fil-kampus edukattiv li diġà jeżisti f’din il-lokalità u għalhekk l-iskola primarja ‘state of the art’ għat-tfal Għawdxin se tinbena hemm.

Fil-binja tal-iskola l-ġdida se jkun hemm ukoll kindergarten, ċentru għall-ħarsien tat-tfal u bosta faċilitajiet sportivi. Dan il-proġett se jkun jinvolvi wkoll it-tisbiħ estensiv tal-iskola medja (Forms 1 & 2) li diġà hemm fil-viċin. Dan kollu se jsir b’investiment ta’ madwar €10 miljun.

Intant, Owen Bonnici qal li fl-aħħar jiem beda l-iskavar tal-art, fejn ix-xogħol qiegħed isir taħt is-sorveljanza tal-arkeoloġisti minħabba fdalijiet arkeoloġiċi li kienu nstabu fl-istess sit.

Share With: