L-MPE Josianne Cutajar timbotta għal mekkaniżmu li jikkontrolla l-kriżi fit-turiżmu

Il-Ministri tat-Turiżmu ser jiddiskutu din il-proposta l-ġimgħa d-dieħla

Il-qasam turistiku, ladarba tgħaddi l-imxija tal-COVID-19, ser jeħtieġ mekkaniżmu Ewropew biex jikkontrolla l-kriżi li għaddej minnu sabiex jerġa’ jieħu r-ruħ.

Josianne Cutajar, flimkien mat-Task Force tat-Turiżmu fil-Parlament Ewropew, qed timbotta din is-soluzzjoni mal-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Ewropej u mal-Ministri għat-Turiżmu tas-27 pajjiż Ewropew li se jkunu qed jiltaqgħu kmieni l-ġimgħa d-dieħla.

Hu stmat li ‘l fuq minn sitt miljun impjieg fil-qasam turistiku huma f’riskju li jintilfu minħabba s-sitwazzjoni kurrenti, mingħajr ma wieħed jinsa li t-turiżmu u l-ivvjaġġjar jammonta għal 10 fil-mija tal-prodott gross domestiku tal-Unjoni Ewropea. Għal pajjiżi Mediterranji bħal Malta, din iċ-ċifra hija ferm ikbar.

Huwa għalhekk illi Cutajar u l-kollegi tagħha fit-Task Force għadhom kemm bagħtu ittra direttament lis-27 Ministru Ewropew responsabbli għat-turiżmu f’pajjiżhom, sabiex jappoġġjaw il-ħolqien ta’ mekkaniżmu Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżi fit-turiżmu, u li jinħoloq mill-iktar fis possibbli.

“Jekk nistabbilixxu mekkaniżmu Ewropew għat-turiżmu, il-pajjiżi membri jkollhom sistema li tappoġġja l-inċentivi nazzjonali tagħhom, u li tkun finanzjata mill-Fond Monetarju Ewropew,” saħqet Cutajar.

Cutajar iddiskutiet din is-soluzzjoni mal-Ministru ghat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Il-Ministru stqarret li Malta tappoġġja l-idea li jkun hemm strateġija kkoordinata mill-UE li tgħin biex it-turiżmu jirkupra u joħroġ mill-kriżi, li tkun sensittiva għar-realtajiet u l-bżonnijiet diversi tal-Istati Membri. Importanti li jkun hemm programmi ta’ finanzjament mill-UE kemm biex ngħinu lill-Gvernijiet jimmitigaw il-kriżi, imma ukoll biex iniedu inizjattivi biex jistimulaw l-ekonomija.

Malta hi partikolari ħafna għax għandha ekonomija msejsa fuq it-turiżmu u dipendenti għal kollox fuq l-avjazzjoni.

Din l-inizjattiva ssegwi sejħa oħra ta’ Cutajar sabiex jiġi megħjun il-qasam turistiku u miegħu s-settur tal-avjazzjoni. Fil-ġimgħat li għaddew, il-Membru Parlamentari Ewropew saħqet għal soluzzjoni sensibbli dwar l-ivjaġġar li safa kkanċellat minħabba r-restrizzjonijiet imposti.

L-MPE Josianne Cutajar qed taħdem għal sistema illi tħares id-drittijiet tal-konsumatur, filwaqt li tagħti nifs lil-linji tal-ajru u l-operaturi tat-trasport fir-rimborsi tal-vjaġġi li ġew kanċellati.

Share With: