L-Uffiċċju tal-President juri solidarjetà mal-impjegati tal-Isptar Mater Dei

L-Uffiċċju tal-President qed juri solidarjetà mal-istaff tal-Isptar Mater Dei li bħalissa qed jaħdem ħinijiet twal u bla waqfien biex ikun jista’ jlaħħaq mal-ħidma sfiqa li għaddejja f’dan iż-żmien tal- pandemija tal-Covid-19. 

L-Uffiċċju tal-President qed jagħti sehmu billi qed jibgħat ammont ta’ ikliet imsajrin mill-Kċina tal- Palazz ta’ Sant’ Anton lill-impjegati ta’ Mater Dei li qed jaħdmu f’bosta swali tal-isptar f’perjodu tant impenjattiv minħabba din il-pandemija. 

Fl-okkażjoni tal-Għid il-Kbir, il-Kċina tal-President ħasbet ukoll biex jintbagħat ħelu marbut mal- Għid lill-impjegati li jaħdmu l-Isptar Mater Dei. Il-President George Vella u s-Sinjura Vella jirringrazzjaw lill-ħaddiema tal-Palazz tal-President għall-impenn li qed juru f’din l-inizjattiva. 

Intant, il-President Vella x-xahar li għadda ddeċieda li hu wkoll jagħti l-kontribut personali billi offra l-paga ta’ dak ix-xahar biex tintuża mill-Gvern fejn meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi uniċi li qed jiffaċċja l-pajjiż. 

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tal-President ifakkar li baqgħet għaddejja l-għajnuna soċjali li dejjem offriet il-Malta Community Chest Fund Foundation lil dawk li jħossu li għandhom bżonn din l-għajnuna u li jkunu jikkwalifikaw għaliha. 

Barra minn hekk, il-billboards li s-soltu kienu jintużaw għal skopijiet tal-Malta Community Chest Fund Foundation tpoġġew għad-diżpożizzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa biex jintużaw għall- messaġġi informattivi b’rabta mal-Covid-19. 

Share With: