L-Unjoni Ewropea u l-coronavirus

Minn CRISTIAN MUSCAT

Inewsmalta tkellmet mal-Ewroparlamenti Miriam Dalli, Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew li f’din l-intervista fost oħrajn se tkun qed tagħti d-dettalji kollha rigward ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-isfond tal-imxija tal-Coronavirus.

Kif kienet it-tfulija tiegħek?

It-tfulija tiegħi kienet waħda normali fejn trabbejt fir-raħal żgħir u sabiħ ta’ Ħal Safi. Jien u oħti Veronique konna u għadna naqblu sal-ġurnata tal-lum. Bejnietna hemm erba’ snin differenza iżda din għalina hi xi ħaġa sekondarja.

Nista’ ngħid li għandi memorji sbieħ minn dan ir-raħal li għalija hu l-isbaħ forsi minħabba li trabbejt b’sempliċita’ kbira minn familja ta’ ħaddiema.

Kif bdiet il-ħajra tiegħek li tidħol fil-politika?

Proprjament jien bdejt bħala ġurnalista ma’ ONE fejn kont kap tal-aħbarijiet ta’ dan l-istazzjon kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq l-istazzjon tat-televiżjoni. Meta kont nirrapporta ċerti aħbarijiet kont inweġġa’ b’xi każijiet ta’ inġustizzja u meta ċerti persuni jsibu l-bibien magħluqa. Kien hawn li jien irraġunajt li ridt nagħmel xi ħaġa għal dawn in-nies.

Fil-verità meta kelli dawk is-16-il sena kont nagħmel parti mill-Forum Żgħażagħ Laburisti u kont nagħti sehmi bl-aħjar mod possibbli.

Taħseb li sar progress f’dak li għandu x’jaqsam l-emanċipazzjoni tal-mara fis-soċjetà tal-lum il-ġurnata?

Nemmen li sar ħafna progress għalkemm fadal xi ftit affarijiet x’nirranġaw. Illum anke jekk inħarsu lejn il-qasam tax-xogħol, ħafna nisa baqgħu jaħdmu minkejja li għandhom it-tfal. Qabel kienu diversi dawk in-nisa li jirċievu ċerta kritika li baqgħu jagħmlu hekk, iżda llum il-ġurnata dan kollu spiċċa. Għalija dan hu pass ‘il quddiem lejn din l-emanċipazzjoni li tant ilna nippriedkaw fuqha.

Madankollu jekk nitkellmu fuq il-politika, ngħidlek li hawn ftit wisq membri parlamentari nisa. Hawn fejn irridu naħdmu sabiex naraw aktar rappreżentanza min-nisa f’dan il-qasam.

Fil-fatt għadna naraw wisq postijiet li huma mmexxija mill-irġiel u għandna bżonn ta’ iktar nisa f’din il-pożizzjoni. Ippruvajna wkoll neliminaw id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa għax qabel kien qed ikun hemm żbilanċ.

Huwa għalhekk li importanti li n-nisa jidħlu aktar fit-trejd unjins sabiex ikollhom ukoll id-drittijiet tagħhom filwaqt li ma jiddependux finanzjarjament mir-raġel. Sabiħ li jkollok indipendenza finanzjarja għax int tkun tista’ taqdef għal rasek.

Semmejt ir-rwol tan-nisa fil-ħajja politika. Nemmen li l-programm LEAD li nedejt inti stess qed ikollu suċċess kbir iktar u iktar għax qed naraw persuni li ħarġu minnu u llum il-ġurnata saħansitra huma sindki tal-lokalitajiet tagħhom. Xi tgħidli dwar LEAD?

Kien il-Partit Laburista li ried iniedi xi ħaġa ġdida u innovattiva sabiex iħajjar aktar nisa jidħlu fid-dinja tal-politika. Kif għedtlek hemm bżonn li jkollna aktar rappreżentanza femminili fid-deċiżjonijiet li jeffettwaw lil pajjiżna. Ilna għaddejjin għal dawn l-aħħar snin fejn tliet gruppi ta’ tfajliet resqu lejna sabiex isegwu dan il-programm. Dawn kienu jammontaw għal madwar 130 tfajla li kellhom entużjażmu kbir filwaqt li wrew interess sabiex jitgħallmu dejjem aktar. Ma jfissirx li kollha se joħorġu għall-politika iżda dan il-programm tahom iċ-ċans jitgħallmu xi kwalitajiet importanti f’dan il-qasam.

Semmejt il-ġustizzja soċjali li nara li hu valur importanti ħafna sabiex bniedem ikollu dinjità u jgħix ħajtu kif suppost. Kemm hi importanti l-politika f’dan kollu?

Jien bħala persuna dħalt fil-politika sabiex inservi u nara li jkun hemm ġustizzja soċjali speċjalment f’dik il-faxxa ta’ persuni li huma vulnerabbli. Bħala Partit Laburista aħna kommessi sabiex naraw li l-ġustizzja soċjali tkun verament ipprattikata minn kulħadd.

Kemm taħseb li t-teknoloġija bidlet ħajjitna?

Nemmen li bidlet ħafna l-ħajja tagħna. Hemm elementi tajbin u oħrajn inqas tajbin fl-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija. Madankollu aħna qed nippruvaw nieħdu l-aqwa minn din it-teknoloġija f’dawn iż-żminijiet ferm diffiċli minħabba l-COVID-19. Fil-fatt minkejja li mhux qed immorru fil-post tax-xogħol tagħna, xorta qed nagħmlu dak li jissejjaħ teleworking sabiex kollox jibqa’ għaddej bl-aqwa mod possibbli.

Personalment jien ma mortx lejn Brussels minħabba l-fatt li bdejt ninduna li dan il-virus beda jinxtered u għalhekk iddeċidejt li nibqa’ f’Malta. L-aħħar li kont hemm kien fid-9 ta’ Marzu li għadda. F’dan iż-żmien qed nagħmel it-teleworking minn dari stess. Biex ngħidlek il-verità għamilt skeda tal-ġurnata sabiex inkun nista’ niddedika l-ħin għat-tfal u filwaqt li ngħinhom fix-xogħol tad-dar tagħhom, ikollna ċans ukoll insajru u nagħmlu xi affarijiet oħra.

Jekk nerġa’ nitkellem fuq it-teknoloġija, nistgħu ngħidu li din saret għodda ferm importanti għal kull ġenerazzjoni għax biha xorta nistgħu nagħmlu kuntatt ma’ dawk in-nies li nħobbu. Mhux hekk biss iżda dan l-aħħar rajna dan il-fenomenu tat-teleworking li qed narah jaħdem sew u li jista’ jiġi kkunsidrat fil-futur għax fih ħafna vantaġġi.

Jekk nitkellmu dwar dan il-virus qerriedi u l-Unjoni Ewropea. Taħseb li din qed tipprovdi biżżejjed għodda importanti fosthom ventilators għal dawk il-pajjiżi li għandhom bżonn minħabba li ġew milquta mhux ħażin?

Ħa ngħidlek fil-bidu kont xi ftit xettika dwar l-Unjoni Ewropea dwar it-tip ta’ solidarjetà li tagħti speċjalment ma’ nies vulnerabbli u dawk li jbatu għal xi raġuni jew oħra. Din is-solidarjetà hi ferm importanti speċjalment għal pajjiżi żgħar bħal Malta.

Sadanittant l-Unjoni Ewropea qablet fuq pakkett finanzjarju kbir li bih intlaħaq ftehim fuq diversi oqsma. Aħna bħala Partit tas-Soċjali Demokratiċi qed ninnegozjaw ma’ gruppi politiċi oħra fuq inizjattiva li bl-Ingliż jgħidulha Joint Public Procurement. Naraw li noħolqu miżuri soċjali li bihom naqtgħu jew innaqqsu l-faqar f’diversi pajjiżi. Il-miżuri favur il-batut huma kruċjali għalina sabiex ħadd ma jħossu minsi fis-soċjetà tal-lum.

Kif taħseb li se tkun id-dinja ġaladarba tgħaddi l-COVID-19?

Żgur li l-affarijiet mhux se jkunu faċli, kollox se jkun għat-telgħa u sakemm niġu lura għan-normal se ndumu ftit speċjalment mil-lat ekonomiku. Se jkun żmien diffiċli u għal dan l-għan qed nitolbu flessibbiltà tal-fondi u għajnuna mill-bank Ewropew. Qed ninsistu wkoll fuq likwidità sabiex bil-mod il-mod nerġgħu niġu lura fuq saqajna. Nieħdu l-AirMalta pereżempju li aħna niddependu fuqha bħala linja tal-ajru. Din trid tingħata appoġġ sakemm terġa’ tqum fuq saqajha u aħna se nippruvaw naraw li kollox isir kif suppost. Se jkun żmien diffiċli iżda kommessi li ngħinu kemm nistgħu.

Mil-lat soċjali se jkollna żgur nies vulnerabbli. Hemm min kien diġa’ hekk u issa se tkun iktar diffiċli għalih biex jerġa’ jibda mill-bidu. Dawn ukoll se jkollhom bżonn l-għajnuna.

Huwa għalhekk li bħala gvern irridu nħarsu lejn mudell ekonomiku ġdid u nħarsu lejn sistema aġġornata. Nixtieq li ninvestu f’teknoloġija aktar nadifa u saħħa pubblika b’aktar opportunitajiet. Fl-opinjoni tiegħi issa rridu ninsew dak li għamilna qabel u nkunu iktar oriġinali fil-metodi tagħna.

Semmejt lin-nies vulnerabbli. Int għamilt appelli kontinwi fuq il-vjolenza domestika. Kemm temmen li din il-ħaġa hi importanti?

Prattikament hi xi ħaġa ferm importanti. Huwa fatt magħruf li għandek xi persuni fis-soċjeta’ tagħna li issa li jinsabu iktar id-dar, iktar jista’ jkun hemm xi episodji ta’ vjolenza domestika. Din mhix xi ħaġa faċli. Illum il-ġurnata l-NGOs għadhom għaddejjin jirrispondu t-telefonati u jassistu għal dawk il-persuni li huma vulnerabbli. Il-famuż 112.mt hu wieħed ta’ għajnuna li jgħin lil min jiġi bżonnu.

Ma nistgħux ma nsemmux is-saħħa mentali li wkoll hu tema importanti f’dak kollu li għaddej bħalissa. Kemm tgħin fundazzjoni bħal Richmond Foundation lill-persuni bi sfidi mentali?

Jien ili nikkolabora ma’ Richmond Foundation għal dawn l-aħħar sitt snin u ninsab ukoll nokkupa l-kariga ta’ chairman ma’ Mental Health Europe.

M’hemmx xi ngħidu min ibati mill-ansjeta, dan hu żmien fejn jinkwieta ferm aktar mis-soltu. Għalhekk ħadna ħsieb sabiex nedejna n-numru 1770 li fih wieħed jista’ jitkellem b’mod liberu u speċjalment min iħossu waħdu jaf isibu ta’ wens.

Kulħadd intlaqat minn dan il-virus. Anke t-tifel tiegħi filli kien jieħu sehem f’diversi attivitajiet sportivi u edukattivi, filli issa jinsab id-dar. Jien lit-tfal tiegħi spjegajtilhom li dan hu perjodu li jgħaddi iżda li fih bħalissa jridu jieħdu paċenzja sabiex kollox imur b’wiċċ il-ġid.

Rajna li nedejtu wkoll vidjow immirat speċifikament għall-anzjani. Kemm hi għal qalbek din il-faxxa tas-soċjetà?

Hija faxxa tas-soċjetà ferm għal qalbi minħabba li dawn matul ħajjithom taw kontribut sabiex Malta hi dik li hi llum. Nista’ nifhem lill-anzjani li filli jmorru jgħidu kelma f’xi pjazza jew xi ħanut tat-te u filli issa kollox hu magħluq. Nifhem din il-frustrazzjoni iżda bħalissa hekk hemm bżonn minħabba li rridu nbegħduhom mill-periklu.

Hawnhekk nixtieq li nappella lil dawk in-nies li jistgħu jgħinu lill-anzjani tagħna sabiex jagħmlu dan. Anke sempliċement kemm tara li kollox hu sew u fuq kollox forsi tara jonqoshomx xi ħaġa.

Int li int mara ta’ suċċess, nixtieqek tgħaddi appell lil dawk in-nisa kollha li jixtiequ jaqbdu karriera politika u anke tnissel messaġġ ta’ pożittività f’dawn il-mumenti diffiċli.

Lit-tfajliet u lin-nisa ngħidilhom li l-politika hi għalikom ukoll. Sabiħ li taqdi lil ħaddieħor u tagħti opportunità ġdida lin-nies fil-bżonn.

Bħala messaġġ ta’ pożittivita’ ngħid li għandna nwarrbu kull tip ta’ inkwiet u naħsbu fl-affarijiet sbieħ li ġejjin. Jekk nobdu lill-awtoritajiet m’għandux ikun hemm problemi. Jekk qiegħed id-dar, importanti li toħloq skeda sabiex tkun organizzat u b’hekk il-ħin jgħaddi malajr.

Finalment nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha involuti li qed jagħmlu xogħol impekkabbli fosthom tobba, infermiera, care workers, ħassiela tat-toroq u persuni oħra li f’dawn iż-żminijiet diffiċli iktar qed jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jaraw lil Malta tibqa’ sejra minkejja kull problema li għandna.

Share With: