Lazio se jnaqqsu s-salarji tal-players

Id-direttur sportiv ta’ Lazio, Igli Tare, żvela li l-club se jkun qed inaqqas is-salarji tal-players tiegħu sakemm tibqa’ għaddejja l-kriżi tal-coronavirus.

Juventus saru l-ewwel club fis-Serie A li ħabbru li l-players tagħhom aċċettaw tnaqqis fis-salarju tagħhom sa Ġunju li ġej.

Tare qal li kontra qalbu se jkollu jieħu din il-miżura minħabba li jrid jara lill-club tiegħu jibqa’ finanzjarjament sostenibbli wara l-kriżi li qed tolqot prattikament lid-dinja kollha.

Fuq livell personali, l-ex attakkant Albaniż qal li qisu qed jgħix film tal-biżà. Hu akkuża lill-awtoritajiet li ħallew dan il-virus jinfirex b’mod allarmanti qabel ma ħadu l-prekawzjonijiet meħtieġa.

Huwa temm jgħid li n-numru ta’ vittmi li qed imutu kuljum hu tal-biżà u dan kollu hu tort tal-Gvern Taljan li ma tantx ta kas mill-ewwel li din il-pandemija setgħet tinfirex fil-peninsula Taljana.

Share With: