“Li tkun padre fil-ħabs ifisser li tkun preżenti għal kulħadd”

Fr Hayden, li jagħti s-servizz tiegħu fil-ħabs, jitkellem dwar kif inbidlet ir-rutina minħabba l-lockdown fil-ħabs

Minn MARIA AZZOPARDI

“Mhux qed ngħix fil-fraternità tiegħi fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini, f’Għajn Dwieli, Raħal Ġdid. Bqajt ngħix f’Raħal Ġdid. Imma fil-ħabs.  M’għandhiex il-fraternità li ssoltu ngħix fiha. Tani l-komunità tal-uffiċjali w l-priġunieri. M’għandiex l-ambjent tas-skiet li joffri l-kunvent. Tani l-istorbju mistenni meta jkollok numru konsiderevoli ta’ nies li jgħixu fi spazju ristrett.  M’għandhiex kamarti bil-kotba spiritwali li tant ngħożż. Tani l-kotba tal-ħajja ta’ persuni fejn l-istorja għada qed tinkiteb.”

Hekk qal Fr Hayden f’intervista ma’ L-ORIZZONT, fejn spjega kif minħabba l-lockdown fil-ħabs li ġie mħabbar minħabba l-imxija tal-Covid-19 huwa qed jgħix hemmhekk biex jibqa’ jkun ta’ sostenn kemm għall-priġunieri kif ukoll għall-ħaddiema. 

Fr Hayden spjega kif il-kappella tal-ħabs ġiet trasformata f’dormitorju fejn qed jorqdu madwar għoxrin uffiċjal korrettiv u huwa qed iqaddes tliet darbiet kuljum f’divisions differenti fuq il-mejda tal-ikel tal-priġunieri li saret l-artal il-ġdid tal-Ewkaristija.

Fr Hayden qal li jgħożż ukoll il-ħin tal-ikel fejn huwa mument li jsir jaf aktar lill-uffiċjali korrettivi f’ambjent sabiħ u mżewwaq b’xi ċajta. Huwa jammira l-kuraġġ, id-dixxiplina u l-impenn li qed juru bħala persuni fis-servizz, impenn lejn pajjiżna u b’rispett lejn il-priġunieri.

Fr Hayden, kif nafu bħalissa tinsab tagħti sostenn fil-ħabs, xi tfisser għalik din il-vokazzjoni?

Bħala patri Franġiskan Kapuċċin jiena naqdi żewġ ministeri partikolari: predikazzjoni f’Malta u barra, u wieħed mit-tlett patrijiet li naħdmu fil-ħabs.  Fil-fatt, meta faqqgħet l-imxija tal-Covid-19 kont qed nipprietka l-Italja u meta ġejt lura dħalt minnufih kwarantina. Biex stajt noħroġ mill-kunvent u niġi l-ħabs, erba’ patrijiet anzjani kellhom jitilqu mill-kunvent tiegħi u marru f’żewġ kunventi oħra.  Wara dan l-arranġament issejjaħ lockdown fil-ħabs. Fil-preżent, iż-żewġ patrijiet l-oħra li jaħdmu l-ħabs (Fr Victor Spiteri u Fr Martin Mamo) ma jistgħux jgħatu s-sehem attiv tagħhom minħabba raġunijiet ta’ saħħa u età. Matul dan il-lockdown qed ngħix il-ħabs.  Fil-ħajja tal-fundatur tal-komunità tiegħi, San Franġisk t’Assisi, kien hemm mument fejn mhux biss kien jgħin lill-foqra u l-lebbrużi ta’ żmienu, imma kien jgħix magħhom.  Dan iż-żmien qed jgħatini din it-toma: mhux biss li tgħin imma li taqsam ħajtek ma’ min jinsab fil-periferija tas-soċjetà. 

Il-kappella tal-ħabs mibdula f’dormitorju għall-uffiċjali korrettivi

Anke jekk dan l-għixien huwa temporanju sakemm idum il-lockdown, nemmen li dan iż-żmien qed jofrili esperjenzi ġodda li qed jiffurmaw lili stess. L-awtur tal-ittra lil Lhud fil-Bibbja jikteb: “Ftakru f’dawk li huma fil-ħabs, daqslikieku kontu fil-ħabs magħhom” (Lhud 13,3).  Issa nista’ nifhimha ftit aktar.

Is-sinifikat ta’ din l-esperjenza qed jiżviluppa mal-medda tal-jiem. Wara li tgħaddi se nifimha aħjar. F’dawn l-aħħar jiem, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Kurunell Alexandar Dalli, beda jirreferi għall-preżenza tal-patri fil-ħabs bħala Il Padre.  Waqt li dan huwa titlu tekniku għal min huwa midħla ma’ Korpi Dixxiplinati, lili ġiegħlni nirrifletti aktar dwar il-missjoni tal-patri fil-ħabs: li tkun missier spiritwali.

Din mhix xi ħaġa sentimentali imma mpenn u għotja ta’ ħajja.  Li tkun padre fil-ħabs ifisser li tkun tkun preżenti għal kulħadd (uffiċjali korrettivi, ħaddiema u priġunieri).  Tkun qrib, aċċessibli, tirrispetta, tisma’, tevalwa, timxi mal-persuni bil-pass tagħhom u tieħu sehem fin-niket u l-ferħ tal-oħrajn. 

Bħala padre għall-uffiċjali korrettivi nipprova nkun ta’ sostenn għalihom b’sens ta’ apprezzament u stima għal dak li qed jagħmlu.  Ngħożż nisma’ l-istejjer tagħhom u nara kemm huma għal qalbhom il-familjari tagħhom. L-aktar stejjer li smajt f’dawn il-jiem iduru madwar il-familja. Xi drabi jkollhom jaffaċjaw sfidi u nipprova nnissel il-kuraġġ. Nara li nkun ukoll ta’ sostenn spiritwali fil-ħidma u l-ambjent tagħhom.  Nittama li l-preżenza tal-Kapuċċin tfakkarhom li Ġesù huwa magħhom.  Nistqarr ukoll li mill-uffiċjali sibt sostenn jien wkoll fuq livelli differenti.

Minn naħa l-oħra, li tkun padre għall-priġunieri jfisser li ma tneħħiex l-impatt tal-ġustizzja u tgħin lil min żbalja jkun fil-verità u jikkonfronta lilu nnifsu quddiem l-iżbalji li wettaq.  Fl-istess ħin ifisser ukoll li tiddisponi l-qalb għall-indiema quddiem Alla, tkun strument ta’ fejqan mill-weġgħat moħbija fil-ħajja ta’ min żbalja, toħroġ u tafferma l-potenzjal tagħhom, tara t-tajjeb li wieħed ma jistax dejjem jara fih innifsu.  Bħala padre nipprova ninkoraġixxi quddiem il-qtigħ il-qalb, nagħti parir meta mitlub, nipprovdi għall-bżonnijiet materjali fejn meħtieġ, niġbed l-attenzjoni, nitlob mal-persuni u ngħati l-maħfra, l-imħabba, il-ħniena, il-faraġ u t-tama li jgħatina Ġesù.  Fil-ħabs trid tiżra’ ħafna u tistenna l-ħsad b’ħafna paċenzja! F’xi każijiet ifisser ukoll li niskot, inżomm pass lura u nistenna l-mument opportun biex il-grazzja ta’ Alla tmiss qalb il-bniedem. Mill-priġunieri nitgħallem ukoll. L-istejjer li tisma’ jgħallmuk ħafna. Xi drabi ikunu huma li jgħatuni l-kuraġġ f’dil-missjoni.

“Nittama li l-preżenza tal-Kapuċċin fil-ħabs tfakkar lill-priġunieri li ħadd mhu eskluż mill-imħabba u l-ħniena ta’ Ġesù”

Fil-ħabs, dan kollu jfisser li tagħti dinjità lill-priġunier għax persuna li tingħata sentenza ta’ priġunerija titlef il-libertà iżda mhux id-dinjità. Nemmen li r-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem jista’ tagħti tama għar-rijabilitazzjoni tal-priġunieri.

Ngħożż nisma’ l-istejjer tagħhom u nara kemm huma għal qalbhom il-familjari tagħhom

Fr Hayden

Fil-ħabs, il-Kapuċċin irid jgħix il-missjoni tiegħu mhux fil-libertà tal-kunvent, ta’ parroċċa jew għaqda reliġjuża imma f’kollaborazzjoni ma’ rwoli oħra fil-qafas ta’ sigurtà, dixxiplina u boundaries ċari u indispensabbli li titlob in-natura tal-ħabs. Il-padre irid iżewweġ il-ħniena mal-għaqal!

Din l-esperjenza għandha wkoll prezz u bidla fl-għixien tal-vokazzjoni tiegħi. Il-Mulej ħadli! Il-Mulej tani! Mhux qed ngħix fil-fraternità tiegħi fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini, f’Għajn Dwieli, Raħal Ġdid. Bqajt ngħix f’Raħal Ġdid. Imma fil-ħabs.  M’għandhiex il-fraternità li ssoltu ngħix fiha. Tani l-komunità tal-uffiċjali u l-priġunieri. M’għandiex l-ambjent tas-skiet li joffri l-kunvent. Tani l-istorbu mistenni meta jkollok numru konsiderevoli ta’ nies li jgħixu fi spazju ristrett.  M’għandhiex kamarti bil-kotba spiritwali li tant ngħożż. Tani l-kotba tal-ħajja ta’ persuni fejn l-istorja għadha qed tinkiteb.  M’għandhiex ix-xbihat reliġjużi li jfakkruni fil-ħwejjeġ tas-sema. Tani x-xbihat tiegħu fuq din l-art moħbija f’persuni feruti u li ferew lil ħaddieħor ukoll. M’għandhiex il-kappella fejn nitlob mal-fraternità.  Tani d-divisions fejn nitlob mal-priġunieri.

Il-kappella tal-ħabs ġiet trasformata f’dormitorju fejn qed jorqdu madwar għoxrin uffiċjal korrettiv

Waqt li f’dan iż-żmien partikolari, f’Malta u Għawdex, l-isqfijiet issospendew is-sehem tal-komunità nisranija miċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, grazzi għal permess partikolari tal-Arċisqof Scicluna u l-Kurunell Dalli, nista’ xorta nqaddes il-quddiesa fil-ħabs mal-komunità. U dan minħabba li fil-ħabs huwa diffiċli li tinżamm id-distanza soċjali mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa. 

Minħabba dan, qed inqaddes tlett darbiet kuljum f’divisions differenti fuq il-mejda tal-ikel tal-priġunieri li saret l-artal il-ġdid tal-Ewkaristija.  B’hekk, f’ġimgħa sħiħa, nilħaq lil kull min jixtieq jiċċelebra l-quddiesa.  In-numru ta’ dawk li qed jersqu f’dan iż-żmien żdied. Nhar ta’ Sibt inqaddes ukoll għall-uffiċjali.  Il-quddiesa tfakkarni li hawnhekk hawn Knisja li qed tgħix fil-ħabs u jekk il-kappella hi żarmata, il-Knisja hi armata!  Armata bl-Ewkaristija! In-nisrani li jinsab il-ħabs huwa parti minni fil-komunità nisranija. F’dal-jiem qed ngħaraf aktar kemm il-Knisja hija b’saħħitha daqskemm hija kapaċi tħaddan fiha l-membri l-aktar dgħajfa u midinba. Il-quddiesa fil-ħabs tfakkarni wkoll li l-istess Ġesù li nirċievi meta nitqarben irrid narah, bl-għajnejn tal-fidi, fil-priġunier.  Hu stess qalilna: “kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25,36) u “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,39-40).

“Ngħożż ukoll il-ħin tal-ikel fejn insir naf aktar lill-uffiċjali f’ambjent sabiħ u mżewwaq b’xi ċajta”

Minħabba l-ħin li nqatta’ mal-priġunieri fid-divisions, ngħożż ħafna wkoll il-ħin tal-ikel ta’ nofs in-nhar u filgħaxija. Huwa mument fejn insir naf aktar lill-uffiċjali korrettivi f’ambjent sabiħ u mżewwaq b’xi ċajta w inkejja.  Ma jonqsux ukoll il-kuntatti ma’ oħrajn li jaħdmu l-ħabs bħala ħaddiema soċjali, psikoloġi, care plan co-ordinators, tobba, infermiera w il-cleaner.  Għandna kollaborazzjoni sabiħa bejnietna fil-ħidma tagħna mal-priġunieri. Matul dan iż-żmien, ħadt ukoll l-opportunità biex fil-festa tal-Ħniena Divina, inqaddes fil-forka tal-ħabs u offrejt il-quddiesa għall-erwieħ ta’ dawk li fil-passat f’Malta ġew kundannati għall-mewt.  Din kienet esperjenza unika li ħallietni nirrifletti ħafna fis-skiet. Fil-ħabs qed insib ħin ukoll, għalkemm b’mod limitat, biex ngħamel xi interventi fuq il-media kif kont ngħamel qabel permezz tat-teknoloġija mill-uffiċċju li fih qed ngħix.

Minħabba li twaqqfu ż-żjarat, kif qed iħossuha l-pruġinieri nfushom u anke l-gwardjani li qed jagħmlu ċertu żmien mingħajr ma joħorġu?

Waħda minn numru ta’ prekawzjonijiet li ttieħdu biex kemm jista’ jkun tiġi limitata l-possibilità li l-Covid-19 jidħol fil-ħabs kienet li jitwaqqfu ż-żjarat lill-priġunieri. In-natura tal-ħabs diġà hija waħda li tiżola lill-persuna.  Din hija tbatija mhux biss għall-priġunieri imma anke għall-familjari tagħhom li huma wkoll vittmi tal-iżbalji tal-priġunieri.  In-nuqqas ta’ kuntatt f’dan iż-żmien ikompli jżid ma’ dan.  Biex jikkumpensa għal dan in-nuqqas, it-tmexxija tal-ħabs introduċiet sistema ġdida ta’ skype calls.  Hemm ukoll il-faċilità tat-telefonati. 

L-uffiċjali korrettivi wkoll qed iħallsu l-prezz tan-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku mal-familjari u l-għeżież tagħhom minħabba li jaħdmu sebat ijiem il-ħabs u sebat ijiem id-dar.  B’mod jew ieħor, tista’ tgħid li kollha ħassew din il-firda. Xi drabi b’sagrifiċċji mhux żgħar u f’ċirkustanzi delikati bħalma huma tqala, trabi tat-twelid fl-ewwel ġimgħat tagħhom u żmien familjari sensittiv.  Pero nammira l-kuraġġ, id-dixxiplina u l-impenn li qed juru bħala persuni fis-servizz.  Qed jgħamlu dan b’impenn lejn pajjiżna u anke b’rispett lejn il-priġunieri.  Diversi priġunieri espremew miegħi l-apprezzament tagħhom għal dan. Napprezza wkoll kemm t-tmexxija tal-ħabs investit fil-ħaddiema biex dan il-lockdown jgħixuh bl-anqas inkonvenjenzi possibbli u b’apprezzament lejn is-sagrifiċċju li qed jgħamlu.

Kien hemm xi talbiet partikolari f’dawn l-aħħar ġimgħat mingħand il-ħabsin?

Talbiet partikolari li għamluli xi priġunieri marbuta maċ-ċirkostanza attwali kienu ta’ żewġ għamliet.  Kien hemm min ma kellux min jiġi jħallilu xi ħaġa tal-flus kif kien jgħamel is-soltu.  Talbiet oħrajn kienu dwar ħwejjeġ. Minħabba li, bi prekawzjoni bħalissa mhux qed jidħlu ħwejjeġ fil-ħabs, kien hemm min inqabad b’numru ta’ ħwejjeġ limitati. Dwar dawn iż-żewġ talbiet qed ngħin kif nista’ lill-priġunieri id f’id mal-awtorità tal-ħabs li indirizzat immedjatament dawn is-sitwazzjoinijiet.

Share With: