Lionel Messi mistenni jibqa’ ma’ Barcelona

Il-kuntratt tal-ikona ta’ Barcelona, Lionel Messi jiskadi fis-sajf tal-2021, u ssemmew spekulazzjonijiet li huwa kien qiegħed jipprepara li ma jonorax dan il-kuntratt sal-aħħar, hekk kif ikun jista’ jħalli lil Barcelona bi free transfer wara iktar minn 20 sena mal-club.

Kemm il-manager ta’ Barcelona, Quique Setien, kif ukoll l-ex viċi-president, Emili Rousaud, saħqu li jemmnu li Lionel Messi se jkun qed iġedded il-kuntratt tiegħu mal-Katalani, għalkemm bħalissa Barcelona jinsabu għaddejjin minn inkwiet intern fil-club.

STERLING OFFER FANS

Jidher li hemm bosta clubs interessati fis-servizzi ta’ Messi għalkemm dan fis-sajf li ġej jagħlaq 33 sena, iżda Setien jinsab ċert li s-sitt darbiet rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb mhux se jkun qed iħalli lil-club. Fi kliemu: “Dawn huma affarijiet normali fi clubs kbar. Forsi l-fatt inkwetanti huwa li dawn l-affarijiet jiġu mgħoddija lill-media. Ikun aħjar li naħdmu f’ambjent iktar trankwill iżda sfortunatament dawn huma r-realtajiet tal-ħajja. Ma naħsibx li dak li ġara b’xi mod ġiegħel lil Messi jaħsibha jekk għandux jibqa’ jew inkella jitlaq lill-club. Ninsab ċert li huwa se jkun qed itemm il-karriera glorjuża tieghu fil-Camp Nou.”

F’żieda għal dan, Rossaud – li akkuża lill-bord ta’ Barcelona b’korruzzjoni u saħaq li persuna mill-istess bord kien wettaq irregolaritajiet rigward fondi tal-club, xi ħaġa li l-bord ċaħad, jemmen li l-club se jkun qed jerġa’ jagħmel offerta lil Neymar biex jerġa’ jingħaqad magħhom, fis-sajf li ġej, wara li l-effett tal-pandemija tal-coronavirus ikun qed jinħass fis-suq tat-trasferimenti. 

Fi kliemu: “Ma nemminx li hija impossibbli li nikkonvinċu lil Neymar biex jirritorna ma’ Barcelona. Inħoss li l-pandemija tal-coronavirus se tkun qed twassal għal inflazzjoni fil-prezzijiet tal-players, li hija xi ħaġa tajba għal min ikun irid jingaġġa lill-players iżda ħażina għal min ikun irid ibiegħ. Irridu naraw kif dawn il-fatturi kollha, finalment jiġu bilanċjati.”

Share With: