Liverpool jagħmlu apoloġija

Liverpool reġgħu lura mid-deċiżjoni li jpoġġu lill-istaff tagħhom fuq leave temporanju u għamlu apoloġija pubblika.

Fi stqarrija, nhar is-Sibt li għadda l-club tar-Reds qal li kien se jirrikorri għall-iskema tal-Gvern biex l-impjegati jitħallsu 80% tal-paga tagħhom sa massimu ta’ £2,500 fix-xahar għall-10 ġimgħat li ġejjin.

Iżda fl-istess waqt, il-club qal li l-ħaddiema xorta waħda kienu se jieħdu s-salarju massimu tagħhom hekk kif kien se jħallas il-kumplament.  Dan kien ifisser li jekk ħaddiem kien se jaqla’ salarju ta’ £3,000 fix-xahar, huwa kien se jieħu £2,400 mill-istat u £600 mill-club.

Dan kien fisser ukoll li Liverpool segwew il-mudell ta’ Tottenham, Newcastle, Norwich u Bournemouth.

Liverpool ġew kritikati għall-fatt li fi Frar li għadda huma għamlu profitt ta’ £42 miljun qabel it-taxxa kif ukoll żieda ta’ bejgħ għal £533 miljun għall-istaġun 2018-19.

Matul ix-xahar li għadda, is-sidien tal-club kienu qalu li dawk il-ħaddiema li normalment ikunu xogħol fil-ġurnata tal-logħob, kienu se jibqgħu jitħallsu b’mod normali, anke wara li l-partiti ġew posposti minħabba l-Covid-19.

Iżda proprju nhar is-Sibt, il-club ħareġ stqarrija li huwa  kien se jibbenefika mill-assistenza tal-istat u jaċċerta li l-ħaddiema jieħdu s-salarju massimu tagħhom.

Iżda f’kumment qasir, il-kap eżekuttiv tal-club, Peter Moore qal: “Irridu nammettu li ftit tal-jiem ilu ttieħdet deċiżjoni żbaljata u għaldaqstant irridu nagħmlu apoloġija mal-istaff u mal-pubbliku sportiv in ġenerali.”

 
Share With: