“Lockdown joħloq restrizzjonijiet enormi għall-persuni b’diżabilità” – Oliver Scicluna

Miktub minn Maria Azzopardi 

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita Oliver Scicluna qal li lockdown joħloq restrizzjonijiet enormi għall-persuni b’diżabilità. Huwa qal li ma jfissirx li meta persuna ma tikkomunikax b’mod verbali li din ma taħsibx u ma tinkwetax, iżda l-mod kif jitwassal dak il-messaġġ jista’ joħloq frustrazzjoni żejda fuq dawn l-individwi u l-istess frustrazzjoni toħloq stress u anke inkwiet lill-membri tal-familja li ħafna drabi jgħixu magħhom.

Scicluna qal li wieħed irid iżommu f’moħħu li persuni b’nuqqas intelletwali ieħor, speċjalment jekk il-persuni ma jkunux jitkellmu b’mod verbali, jistgħu xorta waħda jħossu d-differenza, jinkwetaw u jistaqsu għalfejn ir-rutina nkissret. “Jistgħu xorta waħda jistaqsu għalfejn filli qed niġġieldu biex ninteraġixxu filli f’daqqa waħda qed nintalbu noqgħodu ‘l bogħod minn xulxin,” qal Scicuna.

Huwa qal li huwa għalhekk jirrabbja meta parti mill-poplu ġenerali ma jobdix mid-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, għax qal li b’din id-diżubbidjenza nkunu qed norbtu lill-Gvern biex jagħmel lockdown.

“Lockdown joħloq restrizzjonjiet enormi għal dawn in-nies u ħafna nies hemm barra lanqas biss għandhom idea dwar dawn l-isfidi. Inżommu f’moħħna li aħna kapaċi nifhmu, ħafna minna kapaċi noħolqu coping mechanism mas-sitwazzjoni kurrenti iżda mhux kulħadd bħalna u għandna naħsbu f’dawn in-nies. Għandna naħsbu fl-istat tas-saħħa mentali tagħhom u għall-ġejjieni wkoll,” qal Scicluna.

Huwa ta eżempju, “Immaġina ġuvni ta’ 30 sena li għandu nuqqas intellettwali u anke xi ftit imġieba diffiċli. Ġuvni li joħroġ kuljum għad-dawra filgħaxija, għax dik hija r-rutina tiegħu u llum huwa msakkar id-dar. Għidli ftit kif il-ġenituri anzjani tiegħu se jispjegawlu u se jħabbtu wiċċhom kuljum mal-imġieba diffiċli tagħhom.”

Scicluna qal li wieħed għandu jikkunsidra mhux biss l-istat ta’ saħħa mentali fuq dawn il-persuni iżda anke fuq il-familja immedjata tagħhom li jgħixu magħhom. “Nemmen għalhekk li wara kull deċiżjoni li tittieħed b’mod ġenerali għandhom jiġu kkunsidrati affarijiet bħal dawn anke bħal ngħidu aħna li jingħata permess speċjali li jkunu jistgħu joħorġu tal-inqas dawra fil-karozza ma’ membru tal-familja tagħhom.”

Huwa qal li bħala Kummissarju dejjem jipprova jwassal il-vuċi tan-nies u sostna li jinsab dejjem lest biex jikkopera mal-awtoritajiet biex flimkien isaħħu d-deċiżjonijiet li jkun qed jieħdu fil-kuntest tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.

Bħala għajnuna, Scicluna jemmen li l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-tfal u Sigurtà Soċjali flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Persuni b’diżabilità ħadmu anke id f’id mal-Kummissjoni, Aġenzija Sapport u anke SCSA biex inħolqu miżuri tajbin ħafna.

Share With: