“Magħtab: Il-karba tal-bdiewa instemgħet”

Mill-MINISTRU AARON FARRUGIA

Meta nhar l-Erbgha l-Ministru Aaron Farrugia ħabbar l-ikbar investiment li qatt rat Malta fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart, l-ewwel rimarki tiegħu kienu lejn il-konsultazzjoni wiesa’ li saret mal-bdiewa, residenti tal-inħawi u l-Kunsilli Lokali. Ta’ min wieħed ifakkar fil-protesta li l-bdiewa għamlu meta tħabbar il-pjan oriġinali li kien se jieħu medda ta madwar 279,000 metru kwadru ta’ art biex fuqha jitpoġġew il-faċilitajiet li pajjiżna għandu bżonn kif ukoll estensjoni tal-‘landfill’ ġaladarba l-ispazju preżenti li jkun ittieħed kollu sa nofs is-sena d-dieħla. Dakinhar tal-protesta l-Prim Ministru Robert Abela żarhom fuq il-post, u fil-jiem ta wara saru laqgħat flimkien mal-Ministru Farrugia biex tinstab soluzzjoni.
Fil-jiem ta’ wara l-ħidma bdiet ma’ esperti lokali u anke barranin biex in-neċessitajiet tal-pajjiż f dan il-qasam ma jiġux abbandunati iżda jsiru, jekk possibbli, fuq medda iżgħar ta art. Hu f`dan il-kuntest li wieħed jifhem iktar il-bżonn li l-Ministru Farrugia jenfasizza l-fatt li l-art li se tkun qed tittieħed issa se tkun ta’ madwar 82,000 metru kwadru, u għaldaqstant inqas minn terz tal-art ippjanata oriġinarjament.

Il-Wastserv se tkun qed tiċċenteralizza l-ħidma tagħha fil-Magħtab b’faċilitajiet state of the art li għall-ewwel darba se jgħinu lill-pajjiż jittrasforma l-iskart f’riżorsa. Il-Ministru Farrugia spjega kif dan l-investiment, li se jmiss ma’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro se jkun qed jgħin biex jonqos drastikament il-bżonn li l-Gvernijiet futuri jerġgħu jirrikorru biex jieħdu iktar meded ta’ art għal ‘landfilling’.
Għal Farrugia, landfilling għandu jkun xi ħaġa tal-passat u għaż-żmien li ġej dan għandu jkun wieħed mill-ħafna għodod li l-pajjiż se jkollu. Erbgħin fil-mija tal-iskart mhux riċiklabbli issa se jkun qed jiġi inċinerat u jsir enerġija. Impjant ieħor li se jibda jipproċessa l-iskart organiku se jagħti lill-pajjiż ‘compost’ tant bżonnjuż fil-qasam tal-agrikoltura. Bl-istess mod il-faċilità ta` material recovery se tgħin lill-pajjiż jibda jindirizza il-miri ta’ riċiklar.
Apparti dan il-pajjiż se jkun qed jibdel l-impjant li jitratta l-iskart kliniku b’wieħed modern u bl-aħjar teknoloġija.
Il-Ministru Farrugia qal li l-pjan oriġinali li jieħu 150,000 metru kwadru ta’ art għall-estensjoni tal-landfill qed jiġi pospost u fi kliemu, il-pjan hu li l-pajjiż jevita li jmiss din l-art kemm issa u kemm fil-futur. Dan jista’ jsir jekk il-faċilitajiet imsemmija jibdew joperaw f qasir żmien u li l-bidla fil-prattiċi u l-mentalità fil-pajjiż tinbidel. Biex ikun iktar preċiż, Farrugia semma’ l-fatt li filwaqt li l-familji qed jisseparaw l-iskart b’mod tajjeb, issa wasal iż-żmien li anke n-negozji jibdew jagħmlu l-istess.

Intant ġie mħabbar ukoll li Wasteserv qed tkun trodd lura madwar 184,000 metru kwadru ta’ art lill-familji Maltin f’forma ta’ parks għal familji jew trasformati f’żoni ħodor. Dawn huma ż-żoni ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq, il-Qortin f’Għawdex u l-Impjant ta’ Sant Antnin f`Marsascala. Dan ifisser li filwaqt li l-aħbar ewlenija hi li l-pajjiż se jagħmel l-ikbar investment f dan il-qasam, l-art li qed tibqa għand il-bdiewa hi ta’ madwar 200,000 metru kwadru, b’184,000 metru kwadru addizzjonali ta’ art li kienu ‘landfills’ jew siti għall-ipproċessar tal-iskart u li issa se jkunu żoni ħodor għall-familji. Wieħed jista jikkonkludi li dan mhux biss hu progett li se jittrasforma l-iskart f’riżorsa, iżda proġett ambjentali li se jtina iktar żoni ħodor għar-rikreazzjoni tagħna lkoll.

Share With: