Malta bl-inqas inċidenti fatali fuq ix-xogħol

L-aħħar statistika tal-Eurostat dwar l-inċident fatali fuq il-postijiet tax-xogħol turi li Malta għandha l-inqas rata ta’ fatalitajiet meta mqabbla mal-bqija tal-pajjiżi msieħba fl-UE.

Iċ-ċifri huma ibbażati fuq il-figuri tal-2017 u juru li Malta kellha 0.57 imwiet għal kull 100,000 ħaddiem meta l-medja fl-UE kienet ta’ 2.2.

Din kienet l-inqas rappurtata f’Malta mill-2008 ‘il hawn bl-ogħla rata minn dik is-sena ‘l hawn kienet reġistrata fl-2013 b’4.74 mewt għal kull 100,000 ħaddiem.

Wara Malta bl-inqas rati ġew l-Olanda b’0.78 mewt u Ċipru b’0.85 mewt għal kull 100,000 ħaddiem mentri r-Rumanija kellha l-ogħla rata b’5.72 segwita mill-Bulgarija b’4.30 u l-Awstrija b’4.11 dejjem bħala mwiet għall-imsemmi ammont ta’ ħaddiema.

L-Eurostat ħareġ din l-istatistika fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa u s-Sigurta fuq ix-Xogħol li jitfakkar fit-28 ta’ April ta’ kull sena.

Share With: