Malta Together hija onorata li Dr Lydia Abela aċċettat li tappoġġa din l-inizjattiva

Il-portal Malta Together, li jinstab online fuq https://www.maltatogether.com/ ġie appoġġat mill-mara tal-Prim Ministru Dr Lydia Abela, u minn binthom Giorgia Mae. F’messaġġ onest u mill-qalb fejn talbet lil kulħadd jibqa’ fis-sigurtà ta’ daru, Dr Abela tirreferi għall-portal Malta Together bħala inizjattiva pożittiva li tagħmel ħafna xogħol biex tgħin lil dawk li bħalissa qed jgħixu waħedhom minħabba l-miżuri ta’ social distancing li hemm fis-seħħ.

Minbarra li tat l-appoġġ tagħha, Dr Abela se tinvolvi ruħha b’mod attiv ma’ Malta Together biex jiġu identifikati inizjattivi fil-komunità li jipprovdu sapport u għajnuna f’Malta matul dawn iż-żminijiet diffiċli.    

Filwaqt li talbet lil kull wieħed u waħda minna biex inżommu ‘l bogħod minn xulxin, anke minn dawk il-persuni li nħobbu f’ħajjitna, fi sforz biex niġġieldu kontra l-Covid-19, Dr Abela qalet li “Social Distancing jipprevjeni l-firxa tal-coronavirus imma sfortunatament dan jista’ jwassal għal ħafna każijiet ta’ solitudni, dwejjaq, frustrazzjoni u dipressjoni. Għal uħud minna, dan iwassal għal iżolament u f’ċerti każijiet joħloq jew jamplifika ċerti problemi.”  

F’din is-sitwazzjoni, Dr Abela żiedet tgħid “Malta Together hija għodda ideali li tgħin lin-nies biex jidraw jgħixu f’din ir-realtà l-ġdida, f’sitwazzjonijiet ġodda li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Barra minn dan, din l-għodda online se toffri sens ta’ tama, ottimiżmu u pożittività fil-ħajja ta’ dawn il-persuni waqt li dawn qegħdin id-dar. Aħna tassew nemmnu li nistgħu noħolqu ħajja temporanja fi djarna, u fil-kuntest ta’ din ir-realtà soċjali l-ġdida.”

Dr Abela tħeġġeġ lil kulħadd biex “nibqgħu attivi, nimlew il-ħajja tagħna b’pożittività, ninteraġixxu ma’ oħrajn b’mod remot u nikkomunikaw mal-familjari tagħna. Jeħtieġ li nitgħallmu, ngħallmu, ninteraġixxu, u nagħmlu attivitajiet pożittivi biex nużaw dan iż-żmien id-dar bl-aħjar mod possibbli. F’din ir-realtà l-ġdida Malta Together hija pjattaforma perfetta, biex tgħina ngħaddu minn dan iż-żmien diffiċli flimkien.”  Giorgia Mae ikkonkludiet “jekk naħdmu flimkien nagħmlu differenza, ibqgħu sikuri fi djarkom ma’ Malta Together. Stay safe Stay home.”  

Dwar Malta Together

Malta Together huwa portal online (https://www.maltatogether.com/) li jagħti aċċess lin-nies għal varjetà ta’ servizzi li jistgħu jgħinuhom jadattaw għal dan iż-żmien diffiċli matul il-pandemija tal-coronavirus f’Malta. Dan huwa sit fejn tista’ ssib dak kollu li għandek bżonn matul dan iż-żmien – inkluż informazzjoni dwar helplines, counselling, servizzi online, kif ukoll klassijiet online biex ikun żgurat li kulħadd iżomm ruħu okkupat waqt li qegħdin id-dar. Dan il-portal qed jorganizza wkoll serje ta’ kompetizzjonijiet eċitanti bi premjijiet sbieħ kemm għall-adulti u anke għat-tfal ta’ kull età.

Malta Together hija inizjattiva mhux għall-profitt, li bħalissa qed titmexxa minn impjegati ta’ Iniala Group f’Malta, bl-għajnuna ta’ ‘The Academy of Givers’, assoċjazzjoni maħluqa biex tgħaqqad u tispira donazzjonijiet soċjali fost il-komunità kummerċjali.

Share With: