“Meta noħorġu minn din il-pandemija għandu jkun rikonoxxut il-kontribut tal-immigranti”

Minn Victor Vella

“Jien ma ngħidx li jien eroj u dan għax hawn ħafna  nies li jaħdmu fix-xogħol li qed nagħmel jien bħalissa kuljum.  Huma jagħmlu dan mingħajr rikonoxximent. Il-ħaddiema kollha li joffru servizzi vitali, huma eroj li mhux apprezzati  u dan mhux issa biss, imma kienu hemm qabel il-pandemija u se jkunu hekk wara li tgħaddi.  Il-ħaddiema li jiġbru l-iskart, li jimlew l-ixkafef bil-prodotti tal-ikel fost oħrajn, dawn huma l-ħaddiema li ħallew is-soċjetà għaddejja. Dawn huma il-ħaddiema li jirċievu l-inqas rikonoxxment, l-inqas rispett u l-inqas pagi.  Fir-Renju Unit, issib li dawn huma ħaddiema ta’ ġilda skura jew minn gruppi etniċi oħra. Nemmen li meta noħorġu minn din i-pandemija, għandu jsir rikonoxximent mad-dinja kollha, mhux fir-Renju Unit biss imma fil-pajjiżi tad-dinja kollha”.

Dan sostneh ma’ inewsmalta Hassan Akkad, immigrant Sirjan, li kien ħarab mis-Sirja fl-eqqel tal-immigrazzjoni fis-sena 2015. Wara vjaġġ twil stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit. Quddiem il-fatt ta’ kif ir-Renju Unit spiċċa jiġġieled kontra l-coronavirus, hu ħass li kellu minn jeddu fl-isptarijiet u b’hekk daħal daħal bħala ħassiel. Hassan hu magħruf fil-qasam tad-dokumentarji, fejn dokumentarju li hu kien ħa sehem fih, kien rebaħ il-kategorji tal-aqwa dokumentarju fir-Renju Unit ftit snin ilu.

Hassan jgħidilna li “inktibt biex inkun ħassiel fi sptar. Fil-bidu, nammetti li kont nervuż. Qabel qatt ma kont naddaft b’mod professjonali. Kienet responsabbilità kbira.  Ngħid imma li irċevejt taħriġ eċċellenti mill-kollegi tiegħi fl-isptar”.

Hassan jgħidilna li “irrid infakkar lin-nies li hemm diversi modi kif inti tgħin lil ħadd ieħor u biex turi rispett lejn il-komunità.  M’hemmx għalfejn bilfors tmur taħdem bi sptar. Tista’ tara l-ġirien tiegħek għandhomx bżonn xi ħaġa, tixtri l-ikel jew bżonnijiet oħra lil anzjani li jgħixu qribek, tagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji jew inkella toqgħod ġewwa biex tkun sigur f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Qegħdin kollha flimkien f’din il-pandemija.” 

Jenfasizza li “l-infermieri, il-ħassiela u ħaddiema oħra huma is-sinsla tal-isptar.  Dawn ġejjin minn kullimkien. Miċ-Cħad, Polonja, Spanja, Filippini u l-Karibew fost oħrajn.  Nittamaw li dan il-fatt jgħallimna xi ħaġa.  Dan hu dak li għandna ngħinu lil xulxin irrispettivament minn fejn ġejjin. Nittamaw li bis-saħħa ta’ din il-pandemija, aħna ninbidlu għall-aħjar.”

.

Share With: