Mhux probabbli li l-US Open isir mingħajr spettaturi

L-organizzaturi tal-US Open qalu deċiżjoni dwar jekk għandhomx jorganizzaw il-Grand Slam ta’ din is-sena fost it-tfaqqigħ tal-coronavirus se tittieħed f’Ġunju, u l-logħob mingħajr partitarji huwa fuq il-mejda, iżda improbabbli ħafna.

Il-US Open, li huwa programmat li jibda fil-31 ta’ Awwissu u jintemm fit-13 ta’ Settembru, huwa kemm l-akbar kif ukoll l-aktar storbjuż mill-erba’ avvenimenti tal-Grand Slam fil-kalendarju tat-tennis u l-kap eżekuttiv tal-US Tennis Association (USTA), Mike Dowse, ma jantiċipax li dawn jinbidlu.

“Nilagħbu mingħajr spettaturi, m’aħna se nieħdu xejn minn fuq il-mej­da, iżda biex inkun onest u miftuħ, naħseb li huwa improbabbli ħafna,” qal Dowse waqt konferenza bit-telefon.

“Dan mhux verament fl-ispirtu taċ-ċelebrazzjoni tat-tennis. Tmur ukoll lura għas-saħħa u l-benesseri tal-ispettaturi u mhux biss tal-players tagħna u tal-istaff tal-appoġġ li jagħtuna biex immexxu t-tournament.”

Il-US Open isir kull sena fi New York City, li hija l-aktar belt Amerikana li ntlaqtet mill-pandemija tal-coronavirus u din il-ġimgħa rrevediet l-imwiet uffiċjali tal-COVID-19 għal aktar minn 10,000.

Iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis tal-USTA, Billie Jean King, li huwa d-dar tal-US Open, saħansitra ġie mibdul fi sptar temporanju biex jgħin fit-taqtiegħa kontra l-coronavirus.

Il-US Open tas-sena l-oħra attira rekord ta’ kull żmien ta’ attendenza ta’ kważi 740,000 spettaturi bl-avveniment ikun il-magna li tmexxi l-USTA, li hija l-għaqda li tmexxi l-isport fil-pajjiż.

Il-French Open, li huwa l-ewwel Grand Slam li ntlaqat mill-imxija tal-coronavirus, ressaq l-avveniment tal-wiċċ tat-tafal għall-20 ta’ Settem-bru, 4 ta’ Ottubru, mill-bidu tradizzjonali ta’ Mejju filwaqt li t-tournament ta’ Wimbledon, li jibda tard f’Ġunju, ġie kanċellat.

“F’dan il-pont iż-żmien huwa fuq in-naħa tagħna,” qal Dowse. “Ovvjament l-ambizzjoni tagħna hija li t-tournament isir.”

Dowse qal li l-USTA se tieħu deċiżjoni dwar jekk hux sigur li torganizza l-US Open wara konsultazzjoni mat- tobba.

“L-affarijiet huma fluwidi. Jekk l-esperti mediċi jiġu lura u jgħidulna li hawn mod li torganizza tournament sigur, sfortunatament ikollu jsir mingħajr spettaturi, u aħna nistgħu nirrikonsidrawha u nħarsu lejha f’dan il-punt,” qal Dowse.

“Illum għadu kmieni wisq biex wieħed jispekula dwar x’inhuma l-ispeċifiċitajiet x’se jkunu eżatti dak iż-żmien.”

Share With: