Midtjylland b’idea oriġinali

Il-club li jilgħab fl-ogħla kampjonat tad-Danimarka, Midtjylland, bdew jinstallaw screens kbar f’żona tal-MCH Arena li s-soltu tkun użata għall-parkeġġ tal-karozzi. L-għan ta’ dawn l-iscreens huwa li jippermettu lill-partitarji akkaniti tal-club li jaraw il-logħob tas-Superliga Daniża tat-team favorit tagħhom mill-karozza stess wara li l-kampjonat domestiku ġie sospiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

It-team li jinsab f’ras il-klassifika tal-kampjonat Daniż qal li sab din l-alternattiva sabiex il-partitarji jkunu jistgħu jaraw lit-team favorit tagħhom filwaqt li jagħmlu l-istorbju tagħhom xorta waħda mill-karozzi tagħhom.

Għal dan il-għan tkellem id-direttur tal-marketing ta’ Midtjylland, Preben Rokkjaer, li qal li bħala club iridu joffru l-aqwa atmosfera possibbli lill-partitarji tagħhom f’sitwazzjoni kkontrollata u ħielsa minn kull periklu. Barra minn hekk Rokkjaer żvela li se jkun hemm kummentarju dirett tal-logħba sabiex l-atmosfera tibqa’ waħda sabiħa u unika.

Share With: