Mixli li ħaraq il-garaxx tal-eks sieħba jitlob il-libertà proviżorja

Il-Qorti tiċħadlu t-talba minkejja li saħaq li xogħlu l-Isptar huwa bżonjuż

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest imressqa minn Jimmy Mifsud, li jinsab akkużat li ħaraq il-garaxx tal-eks sieħba u kkawżalha biża’ fost oħrajn, minkejja li huwa saħaq li xogħlu bħala health care worker fl-Isptar huwa bżonjuż aktar minn qatt qabel.

Min-naħa tagħha l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ibbażat iċ-ċaħda tagħha fuq il-fatt li huwa seta’ jirrepeti r-reati li diġa’ jinsab akkużat bihom. 

Jimmy Mifsud ta’ 39 sena mir-Rabat Għawdex kien tressaq il-Qorti aktar kmieni dan ix-xahar u kien mixli li qabbad garaxx u kkawża biża’ fuq l-eks sieħba tiegħu.

Il-każ kien seħħ nhar is-Sibt 11 ta’ April li għadda għall-ħabta tas-5.45 p.m. fi Triq Anton Debono, ir-Rabat, Għawdex. 

L-akkużat kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

Sitt ijiem wara huwa reġa’ talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti tagħti digriet ‘in camera’ dwar it-talba tiegħu. 

Il-Qorti qalet li jekk wieħed jara l-fedina penali tiegħu, huwa kien diġa’ kkundannat u li f’dan il-każ trid tingħata importanza meta jiġu eżaminati l-akkużi varji u serji kontrih. Bl-aktar waħda serja tkun il-ħruq ta’ garaxx tal-eks sieħba tiegħu wara li din irrappurtatu lill-Pulizija talli kien qed jiffastidjaha u dan anke fil-kuntest ta’ vjolenza domestika. 

Il-Qorti nnutat ukoll dak li qiegħed jgħid l-imputat li l-impjieg tiegħu bħala health care worker fl-Isptar “fiż-żmien meta x-xogħol tiegħu huwa ferm utli aktar minn żminijiet oħra”.

Il-Qorti għamlet referenza għal dak li stqarret f’kawża oħra illi l-vjolenza domestika hi dejjem ħażina u qatt ma tista’ tiġi ġustifikata, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi li wasslu għal vjolenza domestika. 

Wara li qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, l-gravità tara-reat u minħabba l-biża’ li l-imputat jirrepeti l-istess reati, il-Qorti ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri. 

Share With: