“Ninsabu f’nofs traġedja umana kbira u żgur li Malta waħedha ma tistax tleħħaq” – Il-Ministru Evarist Bartolo

Miktub minn Melvin Farrugia

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo qal dalgħodu li fil-Libja hemm mill-inqas 700,000 persuna li waslu hemm biex jaqsmu lejn l-Ewropa. Spjega li anke biss ftit minn dawn is-700,000 lilna jimlewna. 

Hu saħaq li mhix l-ewwel darba li f’xi kwistjoni taħraq, jispiċċaw jeħlu l-aktar u kbatu dawn li l-inqas jistħoqqilhom u qal li dan li qed jiġri proprju bħalissa. Spjega li hemm min qed ipendi lil Malta u jgħid li hu tort tagħna li fil-Mediterran qed jegħrqu elef ta’ nies, meta huma t-traffikanti tal-bnedmin li qed jibagħtuhom mil-Libja lejn l-Ewropa. 

Min-naħa l-oħra, qal li hemm min iwaħħal fl-immigranti għal dak kollu li qed jiġru u jinfexx fi splużjoni ta’ mibgħeda, filwaqt li jibbiesu l-qlub u l-irjus. 

Il-Ministru qal li la għandha teħel Malta u lanqas l-immigranti. Saħaq li hu faċli li ninfexxu nwaħħlu f’xi ħadd, u fl-istess waqt jibqa’ jbati min qed ibati. 

Kompla jgħid li nistgħu noqogħdu nwaħħlu fin-NATO li neħħa lil Gaddafi u ġie jaqa’ u jqum mill-ħerba u t-tifrik li ħalla fil-Libja u fost il-Libjani. Jew inkella nwaħħlu fl-Unjoni Ewropea u kif din ma rnexxiliex issib mod kif tirregola u tidħol responsabbli u tieħu ħsieb l-immigrazzjoni lejn mill-bqija tad-dinja. Qal li nistgħu wkoll inwaħħlu fil-pajjiżi li qed iżommu ma’ Haftar jew ma’ Serraj fil-gwerra li l-Libjani għandhom kontra xulxin. Iżda staqsa jekk nistgħux inwaħħlu fina nfusna u nakkużaw lilna nfusna li maħniex kapaċi nsolvi problema tal-immigrazzjoni bejn il-kontintent Afrikan u dak Ewropew.  

Staqsa wkoll jekk għandniex inwaħħlu fl-immigranti għall-faqar, persekuzzjoni, korruzzjoni u gwerer li jimbuttawhom biex ifittxu ħajja aħjar f’pajjiżi oħra. Jew inkella jekk jistgħux jeħlu huma għan-negozju maħmuġ tat-traffikamenti li jisfruttawhoma u jagħmlu ħafna flus minn fuq daharhom u jitilquhom f’nofs ta’ baħar bla ma jagħtu kas tal-periklu li jpoġġuhom fih. 

Il-Ministru Bartolo qal li t-triq ‘il quddiem hi diffiċli ħafna. L-ewwel nett qal li wieħed irid jara kif se tasal il-paċi fil-Libja, u mbagħad il-Libjani jitħallew jibnu pajjiżhom stess. Min-naħa l-oħra, qal li trid titfassal politika diċenti, umana u legali għall-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea. 

Saħaq li għall-inqas għalissa għandu jkun hemm programm qawwi ta’ għajnuna umanitarja lil-Libja u lil dawk kollha li jgħixu fiha. Spjega li bħala pajjiż hu mifni bil-gwerra u issa qed ikollu jiffaċċja wkoll il-Coronavirus. 

Sostna li ninsabu f’nofs traġedja umana kbira u Malta waħedha, bir-riżorsi limitati tagħha, kemm mediċi u anke fiż-żamma tal-ordni, żgur ma tistax tleħħaq. Qal li la hu ġust u lanqas realistiku li Malta tiġi mistennija li ssolvi waħedha din it-traġedja umana daqshekk kbira.

Share With: