Nirien jeqirdu siġar fl-Aħrax

Numru ta’ siġar tal-prinjol fl-Aħrax tal-Mellieħa nqerdu wara li persuna jew persuni irresponsabbli ħallew nirien mhux mitfija waqt li kienu qed jikkampjaw.

Mill-fdalijiet ta’ oġġetti li tħallew fuq il-post deher ċar li n-nar kien relatat ma’ persuni li marru jsajru fuq il-post. In-nirien intfew minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wara li ċemplulhom membri tal-għaqda.

L-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti tal-Mellieħa ikkundannat dak li sejħet bħala aġir “inaċċettabbli” u sejħet lill-awtoritajiet biex jaraw li fuq il-post ikun hemm l-infurzar.

“Meta se ningħataw widen għall-karba tagħna sabiex dawn l-imsaġar ikollhom l-infurzar meħtieġ ħalli każijiet hekk ma jibqgħux jiġru? Meta jinħarqu l-imsaġar kollha?”.

L-imsemmija għaqda esprimiet id-dispjaċir tagħha li waqt li ssib ħafna li jpinġu l-kaċċaturi f’dawl ikrah rari juru apprezzament lejhom u nsistiet li l-infurzar mhux fuqhom biss irid isir.

Kienu bosta dawk li ikkundannaw dan l-aġir fosthom is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella li rrimarka kif dan l-aġir ħallih bla kliem u iddeskriva l-att bħala wieħed tal-mistħija.

“Waqt seduta tas-sindki fil-Parlament f’Jannar 2020 tkellimt rigward din il-problema fejn l-unika mod li dawn l-abbużi jinqatgħu huwa meta jkun hemm pjan ta’ immaniġġjar serju ta’ dan il-masġar”.

Is-Sindku Mellieħi staqsa x’qed jistennew l-awtoritajiet konċernati u jekk irid jinqered il-masġar waqt li nsista li mill-kliem hemm bżonn li ngħaddu għall-fatti.

Kemm id-deputat Nazzjonalista mill-Mellieħa, Robert Cutajar, kif ukoll il-Minority Leader fil-Kunsill Mellieħi Ivan Castillo sejħu biex ikun hemm gwardjani apposta biex iħarsu dawn l-imsaġar minn atti simili.

Share With: