Norman Hunter għadu l-isptar jiġġieled kontra l-coronavirus

L-ex difensur ta’ Leeds United u tal-Ingilterra, Norman Hunter, għadu f’sitwazzjoni kritika fl-isptar hekk kif ġie infettat bil-coronavirus iżda qed jagħmel minn kollox biex jegħleb din il-marda qerrieda.

Hunter li llum jghodd is-76 sena, u li laghab 726 partita fi 15-il sena f’Elland Road ilu jinżamm l-isptar sa mill-ġimgħa li għaddiet.

Huwa kien membru tal-iskwadra Ingliża mmexxija minn Sir Alf Ramsey fit-Tazza tad-Dinja tal-1966 fejn b’kollox lagħab 28 partita bil-flokk tat-Three Lions.

Fi stqarrija uffiċjali, il-club ta’ Leeds United qal li kemm Hunter kif ukoll il-familja tiegħu jixtiequ jirringrazzjaw lill-partitarji ta’ Leeds għall-messaġġi mill-aqwa u ta’ awgurju ta’ fejqan ta’ malajr li huwa rċieva matul dawn l-aħħar jiem.

Huma xtaqu wkoll iroddu ħajr lit-tobba u lill-infermiera kollha li qed jagħmlu xogħol imprezzabbli 24 siegħa kuljum kemm ma’ Norman kif ukoll ma’ dawk kollha li jinsabu taħt il-kura tagħhom.

“Bħala ckub, nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lill-partitarji tagħna, lill-kommunitá tal-football iktar wiesa’ u lill-media talli qed jirrispettaw ix-xewqat tagħna għall-privatezza matul dan iż-żmien tant delikat għalina lkoll.”

“Se nkunu qed nipprovdu l-iżviluppi kollha rigward saħħet Norman Hunter matul il-jiem li ġejjin.”

Ir-reputazzjoni ta’ Hunter bħala tackler mill-aqwa ġiet proprju mil-laqam tiegħu: ‘Bites your legs’.

Huwa kien jifforma koppja mill-aqwa ma’ Jack Charlton fid-difiża ta’ Leeds, fejn rebaħ ukoll bosta kompetizzjonijiet Ewropej fosthom dik li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Inter-Cities Fairs Cup, l-FA Cup u anke l-League Cup.

Kienu biss tliet players ta’ Leeds United – Jack Charlton, Billy Bremmer u Paul Reaney, li lagħbu iktar partiti minn Hunter bil-flokk ta’ Leeds United.

Hunter lagħab ukoll ma’ Bristol City u Barnsley, u mbagħad mexxa lil Rotherham United bħala coach.

Share With: