Olympiakos f’riskju li jiġu relegati minħabba allegat każ ta’ korruzzjoni

Il-ġganti Griegi, Olympaikos, jinsabu fix-xifer li jiġu relegati għat-Tieni Diviżjoni waqt li jiġu mmultati ammonti kbar ta’ flus hekk kif qed jiġu akkużati b’allegat irranġar ta’ logħbiet.

Dan hekk kif reġgħu infetħu investigazzjonijiet rigward partita kontra Atromitos li ntlagħbet lura, fi Frar 2015, u li Olympiakos kienu rebħu bl-iskor ta’ 2-1.

F’dak l-istaġun, Olympiakos, kienu rebħu l-kampjonat, waqt li Atromitos kienu assiguraw il-kwalifikazzjoni għall-play-offs tas-Super League Griega. Jekk jinstabu ħatja, iż-żewġ clubs setgħu jiġu relegati u jeħlu multa ta’ €3 miljuni.

Din l-aħbar tista’ tfisser diżastru għas-sid ta’ Olympiacos, Evengelos Marinakis li jekk jinżamm responsabbli, huwa mifhum se jkun qed jirċievi multa li taqbeż is-somma ta’ €2.5 miljun kif ukoll sanzjoni għal ħajtu mill-football.

Riperkussjonijiet bħal dawn għandhom jinħassu b’mod iktar wiesa’. Dan meta wieħed iqis l-involviment ta’ Marinakis fil-football Ingliż. Dan hekk kif huwa wkoll is-sid tal-club li jilgħab fiċ-Championship, Nottingham Forest.

Qabel is-sospensjoni tal-football madwar id-dinja minħabba l-pandemija tal-coronavirus, Olympialos, kienu fil-quċċata tal-ogħla diviżjoni Griega b’66 punt, 14-il punt vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom, PAOK.

Huma kienu għadhom mingħajr telfa minn 26 logħba.

Iżda l-partita msemmija mill-2015 qed terġa’ titla’ f’wiċċ l-ilma. Investigazzjonijiet li kienu bdew f’dak iż-żmien kienu ngħalqu, għalkemm 15-il individwu u ż-żewġ clubs kienu qed jiġu akkużati skond il-proviżjonijiet ta’ Artiklu 27 tal-Kodiċi ta’ Imġieba tal-Federazzjoni tal-Football Griega rigward “irranġar tar-riżultat tal-partita għal skopijiet ta’ betting”.

Fost l-akkużati kien hemm Marinakis innifsu, Giorgos Spanos, li huwa s-sid ta’ Atromitos, l-ex president tal-Federazzjoni tal-Football Griega, Giorgos Sarris u l-viċi-president Aristidis Stathopoulos, tliet ex ufficjali tal-Federazzjoni tal-Football Greiga, sitt ex referees u ufficjali tal-logħba, id-direttur tekniku ta’ Atromitos, Yiannis Angelopoulos u l-ex manager ta’ Atromitos, Ricardo Sa Pinto.

Il-media Griega SDNA ikkonfermat li l-partita in kwistjoni qed terġa’ tiġi investigata, waqt li qed jiġu eżaminati wkoll xi fixtures li jinvolvu liż-żewġ timijiet rispettivi.

Matul dan l-istaġun, Olympiakos, kienu mexjin b’ritmu ferm pożittiv mhux biss fil-kampjonat Grieg iżda anke fix-xena Ewropea.

Fost oħrajn, huma eleminaw lil Arsenal mill-UEFA Europa League wara rebħa drammatika ta’ 2-1.

Din l-istess partita kienet ukoll lok ta’ investigazzjoni minħabba li Marinakis li kien preżenti għall-partita biex isegwi lit-team tiegħu, iktar tard instab pożittiv għall-coronavirus.

Il-manager ta’ Arsenal, Mikel Arteta, innifsu iktar tard instab pożittiv ukoll għall-coronavirus, iżda ma ġiex suġġerit li l-virus kien ġie trasmess bejn iż-żewġ persuni, li eventwalment fiequ minn dan il-virus.

Hekk kif bħalissa jinsabu għaddejjin ġmielhom l-investigazzjonijiet konċernati, il-pożizzjoni ta’ OIympiakos fil-football Ewropew għadha f’dubju kbir.

L-aħħar partita tagħhom mill-UEFA Europa League kienet ġewwa darhom kontra Wolves, liema partita ntlagħbet quddiem stadium vojt u ntemmet fi draw ta’ 1-1, fit-12 ta’ Marzu li għadda. Dan wasal eżatt qabel il-pandemija tal-coronavirus li waqqfet għal kollox l-attivitá sportiva madwar id-dinja.

Share With: