Oqgħod attent jekk tpejjep… Min ipejjep huwa iktar vulnerabbli biex jiżviluppa kumplikazzjonijiet severi tal-COVID-19

Minn MARIA AZZOPARDI

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa identifikat t-tipjip bħala fattur ta’ riskju li jikkontribwixxi għal infezzjonijiet respiratorji akuti. Fl-isfond tal-pandemija marbuta mal-Covid-19, studji riċenti juru li dawk li jpejpu huma definittivament iktar vulnerabbli biex jiżviluppaw kumplikazzjonijiet severi tal-Covid-19. 

Inewsmalta tkellem mal-iSmoking Cessation Practitioner u Senior Lecturer, Anne Buttigieg, fejn spjegat li fih innifsu t-tipjip għandu diġà fattur ta’ riskju magħruf u li huwa ta’ detriment għas-saħħa ġenerali tal-persuna. Kif ukoll, hemm aktar probabilità li min ipejjep ikollu mard kardjovaskulari u respiratorju pre-eżistenti u jġorru magħhom għadd ta’ mard addizzjonali relatati mat-tipjip. 

“Għal din ir-raġuni dawk li jpejpu għandhom aktar probabilità li jkollhom kumplikazzjonijiet addizzjonali minħabba l-fatt li kemm it-tipjip kif ukoll il-virus iddgħajfu u jfixklu l-funzjoni respiratorja,” qalet Buttigieg.

Aktar minn terz ta’ dawk li jpejpu kellhom kundizzjoni aktar serja meta mqabbla ma’ pazjenti oħra

Buttigieg spjegat li l-pulmuni li diġà jkunu qed ibatu minn konsegwenzi minħabba t-tipjip ipoġġu lil min ipejjep f’riskju ferm akbar f’dan ir-rigward. Il-virus iżid il-ħtieġa għall-ossiġnu u jnaqqas il-kapaċità tal-ġisem li juża l-ossiġnu kif suppost li jikkawża progressjoni gravi tal-marda u f’ċertu każijiet saħansitra mewt. Studji riċenti wrew li aktar minn terz ta’ dawk li jpejpu li jaqbadhom il-coronavirus kellhom kundizzjoni aktar serja meta mqabbla ma’ pazjenti oħra.

F’dawk li jpejjpu, il-progress lejn l-agħar stat kien kważi erba’ darbiet aktar mgħaġġel

Riċerka li saret fiċ-Ċina fost pazjenti pożittivi għall-COVID-19 żvelat li dawk li jpejpu kellhom pronjostiku ifqar meta mqabbla ma’ dawk li ma jpejpux. Il-marda kienet iktar severa u progressiva, kellhom bżonn kura intensiva u ventilazzjoni u kellhom aktar probabilità li jmutu. Studju ieħor f’Wuhan, iċ-Ċina li kien jibbaża fuq 1099 pazjent pożittiv ta’ dan il-virus u li kienu ddaħħlu l-isptar, żvela li 31.7% tal-pazjenti li diġà kellhom storja ta’ tipjip, kellhom kumplikazzjonijiet severi meta mqabbla ma’ 14.5% li qatt ma pejpu. Barra minn hekk, il-progress lejn l-agħar stat kien kważi erba’ darbiet aktar mgħaġġel.

It-trasmissjoni tista’ tkun sa għaxar darbiet aktar għal kull sigarett

Buttigieg qalet li l-att li wieħed jpejjep, jirrikjedi li s-sigarett jinżamm fl-idejn u fl-iswaba’ u dawn ikunu f’kuntatt dirett max-xuftejn, u b’hekk tiffaċilita l-possibbiltà ta’ trażmissjoni tal-virus mill-id għall-ħalq. “Min ipejjep jieħu madwar għaxar nifsijiet minn kull sigarett u b’hekk huma jesponu lilhom infushom u għandhom riskju ogħla ta’ trażmissjoni possibbli tal-virus mill-id għal ħalq. It-trasmissjoni tista’ tkun sa għaxar darbiet akbar għal kull sigarett li jkun qed jiġi mpejjep meta mqabbel ma’ min ma jpejjipx,” spjegat Buttigieg.

Ċertu kundizzjonijiet jistgħu jiżdiedu fir-riskju meta esposti għall-Covid-19

Buttigieg qalet li l-pulmuni ta’ persuna li tpejjep huma esposti għal grad ogħla ta’ problemi respiratorji li jeħtieġu żieda fil-bżonnijiet ta’ ossiġnu jew tnaqqas fil-kapaċità tal-ġisem li juża l-ossiġnu kif suppost. B’hekk, persuna li tpejjep u li jista’ jkun diġà taffaċċja xi forma ta’ mard respiratorju u kapaċità mnaqqsa tal-pulmun, dawn jistgħu jiżdiedu fir-riskju u s-severità meta l-persuna tkun esposta għall-Covid19.

“Possibilment, waħda mir-raġunijiet l-akbar għaliex dawk li jpejpu huma f’riskju akbar ta’ infezzjonijiet respiratorji hija l-indeboliment u l-mewt taċ-cilia (dawn huma projezzjonijiet bħal xagħar li jżommu l-passaġġi tan-nifs nodfa mill-ħmieġ u l-fdalijiet tossiċi li faċilment jippenetraw il-pulmun meta nieħdu nifs) fil-passaġġi tan-nifs u pulmuni, li jagħmilha aktar diffiċli biex tiċċaqlaq il-mucous mill-pulmun.” Dan ifisser li min ipejjep ikunu iktar suġġetti għall-bacteria, infezzjonijiet oħra u l-Covid-19 minħabba li ċ-cilia imutu.

Aspett ieħor li għandu jiġi kkunsidrat huwa dak tat-tipjip passiv jew l-esponiment għad-duħħan ta’ nies oħra li huwa ta’ ħsara u jipprevjeni milli l-pulmun jkun jista’ jirrifjuta l-infezzjonijiet.  Dawk li jpejpu, dawk esposti għal tipjip passiv u dawk kollha li għandhom drawwa ta ‘”vaping” għandhom bżonn jiftakru li huma kollha f’riskju ta’ infezzjonijiet respiratorji akuti u mard relatat mat-tipjip li jnaqqsu l-mekkaniżmi ta’ difiża kollha tal-ġisem.

Biddel din l-isfida f’opportunità biex tieqaf tpejjep; Quit Line 8007 3333

Buttigieg qalet li l-messaġġ ċar huwa li t-tipjip huwa fattur ta’ riskju evitabbli. Li wieħed jieqaf milli jpejjep huwa kkunsidrat bħala xi ħaġa valida u sensibbli u li tgħin biex inaqqas ir-riskju tiegħu u jevitaw milli possibilment iżiedu kumplikazzjonijiet severi jekk jiġu pożittivi għall-Covid-19. B’dan il-mod, meta persuna tieqaf tpejjep, tibbenefika kemm hi bħala persuna kif ukoll persuni oħra filwaqt lijikkontribwixxu biex inaqqsu d-domanda fuq is-sistema ta saħħa f’każ li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 u, minħabba xi kumplikazzjoni li jistgħu jiżviluppaw, ikollhom bżonn tal-ventilator. 

Buttigieg qalet li ċertament mhux faċli li wieħed joħroġ minn vizzju f’dan il-mument. Iżda żgur li forsi qatt ma kien hemm żmien aħjar biex wieħed jieqaf ipejjep għal saħħa aktar sikura u sana. “Ma tweġġax billi tipprova. Żgur li hemm min ipejjep li jixtieq ibiddel din l-isfida tal-Covid-19 f’opportunità li tista’ tgħinhom biex jieqfu jpejjpu darba għal dejjem.”

Buttigieg żiedet tgħid li nies li diġà għandhom komorbiditajiet li huma derivati ​​mill-użu tat-tipjip għandhom jiġu avżati biex iwaqqfu dan il-vizzju. Il-benefiċċji meta tieqaf tpejjep jidhru kemm fiż-żmien qasir kif ukoll fit-tul. Hemm bżonn ta’ ftit ġimgħat biex jitjiebu l-problemi respiratorji, sogħla fost affarijiet oħra u jgħaddu biss 72 siegħa wara li tieqaf tpejjep biex in-nikotina tkun barra mill-ġisem. Buttigieg żiedet tgħid li aktar ma jgħaddi ż-żmien minn meta persuna tieqaf tpejjep, id-dipendenza fuq in-nikotina tonqos u tispiċċa fix-xejn. “Kellem lill-ispiżjar jew id-dentist tiegħek dwar l-għajnuna li teżisti biex tnaqqas il-kilba għat-tipjip u xi effetti li tista’ tħoss minħabba nuqqas ta’ nikotina. Tista’ wkoll iċċempel fuq il-Quit Line 8007 3333. Din hija opportunità biex tassew ma tibqax dipendenti fuq in-nikotina u b’hekk takkwista l-libertà minn dan il-vizzju,” temmet tgħid.

Share With: