Pakkett dwar il-mobilità: il-Kunsill jadotta riforma b’rabta mas-sewwieqa tat-trakkijiet

Il-Kunsill illum adotta riforma kbira tas-settur tat-trasport bit-triq tal-UE, magħrufa bħala l-pakkett dwar il-mobilità. Ir-regoli l-ġodda ser itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa, jintroduċu regoli speċjali dwar l-istazzjonar għas-sewwieqa fit-trasport internazzjonali, u jaġġornaw id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija.

Dawn ser jagħmlu wkoll l-infurzar aktar effiċjenti. Fil-11 ta’ Diċembru 2019 intlaħaq qbil proviżorju bejn il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew. It-test maqbul ġie approvat mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill fl-20 ta’ Diċembru 2019, u l-Kunsill ikkonferma l-qbil politiku fl-20 ta’ Frar 2020.

Ir-regoli l-ġodda huma mfassla biex jiżguraw bilanċ bejn kundizzjonijiet tax-xogħol u soċjali mtejba għas-sewwieqa u l-libertà li l-operaturi jipprovdu servizzi transkonfinali, u ser jikkontribwixxu wkoll għas-sikurezza fit-toroq. Barra minn hekk, ser jipprovdu ċarezza għas-settur fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ambigwi ta’ qabel u ser itemmu l-applikazzjoni mhux uniformi tagħhom bejn l-Istati Membri.Il-pakkett jikkonsisti f’regolament li jirregola l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija jew tal-passiġġieri bit-triq; regolament dwar il-ħinijiet massimi ta’ xogħol u l-ħinijiet minimi ta’ mistrieħ għas-sewwieqa u l-pożizzjonament permezz ta’ takografi; u direttiva li tirrevedi r-rekwiżiti tal-infurzar u li tistabbilixxi regoli dwar l-istazzjonar tas-sewwieqa.Il-passi li jmissIl-vot tal-lum, li ttieħed permezz ta’ proċedura bil-miktub, ifisser li l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

L-atti legali issa jeħtieġ li jiġu adottati mill-Parlament Ewropew fit-tieni qari qabel ma jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Iż-żewġ regolamenti ser jidħlu fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni, u d-direttiva tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni.Ir-regoli fir-regolament dwar l-aċċess għas-suq u fid-direttiva dwar l-istazzjonar ser isiru applikabbli 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-atti legali. Ir-regoli fir-regolament dwar il-ħinijiet tas-sewqan ser japplikaw 20 jum wara l-pubblikazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-iskadenzi speċjali fir-rigward tat-takografi.

Share With: