Persuna ‘l fuq minn 80 sena fost dawk li fiequ … Importanti ħafna li nibqgħu nosservaw ir-regolamenti

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Charamaine Gauci ħabbret li hemm 19-il persuna oħra li fiequ mill-virus. Spjegat li l-awtoritajiet komplew jagħmlu aktar testijiet u kien hemm persuna waħda li rriżultat pożittiva għall-virus. 14 minn dawk li fiequ kienu rġiel u ħamsa li huma nisa.

Anzjana ‘l fuq minn 80 sena fost dawk li fiequ

L-etajiet ta’ dawk li fiequ jvarjaw minn ħamsa bejn l-20 u 30 sena, erbgħa ’il fuq minn 30 sena, erbgħa ‘l fuq minn 40 sena, tlieta ’l fuq minn 50 sena, 2 ’il fuq minn 60 sena u waħda ’l fuq minn 80 sena.

Gauci spjegat li lbieraħ saru 787 swab tests u minnhom ħareġ każ wieħed pożittiv biex b’hekk t-total tela’ għal 427. Jekk jitneħħew dawk li fiequ u dawk li mietu hemm 326 każ pendenti. S’issa saru 24,042 swab test. 

Każ wieħed ġdid

Il-każ ġdid hija mara ta’ 29 sena mis-Serbja, residenti u taħdem hawn Malta li bdiet bis-sintomi fis-17 t’April. Il-mara taħdem f’kumpanija privata u sar il-contact tracing, iżda ma kellhiex kuntatti ma’ klijenti u lanqas ma’ familjari.

Irridu nibqgħu nosservaw ir-regolamenti

Gauci spjegat li importanti ħafna li nibqgħu nosservaw ir-regolamenti għax jekk le hemm ir-riskju li l-każi jerġgħu jibdew jiżdiedu. Qalet li wieħed jifhem li t-temp issa jistieden lil dak li jkun biex joħroġ u jgawdi iżda importanti ħafna li nibqgħu ġewwa sabiex din is-sitwazzjoni tinżamm taħt kontroll.

Share With: