Persuni pożittivi għall-Covid-19 ibatu minn stigma minħabba diversi fatturi

Il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali: “L-ebda persuna pożittiva għal Covid-19 m’għandha tort għax żviluppat is-sintomi”

Minn MARIA AZZOPARDI

Kemm l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) kif ukoll l-UNICEF pubblikament jirrikonoxxu li l-marda tal-Covid-19 qed iġġorr l-istigma. Il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali John Cachia qal li ma jaħsibx li fil-poplu tagħna dan hu differenti u dan huwa marbut ma’ diversi fatturi. Qabel ma nelenkaw dawn il-fatturi, il-Kummissarju tas-saħħa mentali sostna li l-ebda persuna pożittiva għal Covid-19 m’għandha tort għax żviluppat is-sintomi jew għandha Covid-19.

“Il-coronavirus infetta miljuni ta’ persuni madwar id-dinja. Kif ngħidu bil-Malti, illum int, għada jien jew xi ħadd għażiż għalija,” beda jispjega Cachia.

Huwa żied jgħid li l-istigma tiġi minn tliet fatturi. L-ewwel waħda hija li din hi marda ġdida u għalhekk l-għarfien dwarha għadu qed jinġabar. It-tieni fattur huwa marbut mal-fatt li hemm ħafna dubji u inċertezzi u dan joħloq fil-bniedem il-biża’ minn dak li ma tafx filwaqt li huwa faċli li wieħed jibża’ minn dak li hu differenti jew ‘mhux bħal tas-soltu. Cachia qal li dawn il-fatturi kollha jistgħu jwasslu biex persuni li huma pożittivi għal Coronagirus u dawk ta’ madwarhom ibatu minn stigma.

Cachia żied jgħid li kultant forsi din l-istigma ġejja wkoll minħabba l-fatt li din marda li ġiet minn barra mill-pajjiż u għalhekk l-ewwel ħaġa li ħolqot kien sens ta’ ‘nazzjonaliżmu falz’ –  tal-aħna u l-oħrajn.

“Illum nafu li din il-marda hi preżenti wkoll fost il-Maltin u għalhekk m’għadhiex marda fiċ-Ċina jew fl-Italja ta’ Fuq. Issa bdejna naraw jimirdu nies li nafu, li kienu f’postijiet li fihom konna aħna wkoll. Issa bdejna nindunaw li din tolqot lil kulħadd mingħajr ma tħares lejn kulur, razza jew stat soċjali,” qal Cachia.

Marda li ġabet ħafna stress u anzjetà fost il-poplu

Il-Kummissarju tas-saħħa mentali sostna li din il-marda ġabet ħafna stress u anzjetà fost il-poplu. Huwa qal li sitwazzjoni bħal din twassal lil persuni biex jaġixxu b’mod irrazjonali ma’ xulxin u saħansitra jkun hemm min ma jfittixx l-għajnuna f’waqtha.

Cachia qal li bħala effett immedjat li ġieli naraw hu li nies iħossuhom weħidhom waqt li oħrajn qishom dejjem irrabjati. “Importanti li wieħed jagħraf il-bidliet li jkunu qed isiru ġo fih jew f’ta’ madwaru. Min iħoss li għandu bżonn l-għajnuna, għandu jfittixha b’mod immedjat. Nistgħu nfittxu u nkellmu persuna li nafdaw. Nistgħu nikkuntattjaw it-tabib tal-familja jew taċ-Ċentru tas-Saħħa. Nistgħu inċemplu helpline 1770 u nitolbu għajnuna speċjalizzata jew fuq l-internet permezz ta’ kellimni.com”

Appell għas-sens komun u li nimxu b’mod intelliġenti

Il-Kummissarju tas-saħħa mentali appella għas-sens komun u li nimxu b’mod intelliġenti. Bħala pariri li jagħti huwa li wieħed ifittex informazzjoni minn sorsi tajbin u fdati filwaqt li wieħed jieħu l-pariri tal-esperti u mhux ta’ Facebook.

Cachia żied jgħid li huwa importanti li nitkellmu dwar il-coronavirus b’ismu u li nirreferu għal persuni bħala persuni li għandhom il-Covid-19 jew li fiequ mill-Covid-19.

Pariri oħra li jagħti Cachia huwa li nitkellmu u nedukaw aktar lil xulxin dwar kif flimkien nistgħu nwaqqfu t-tixrid tal-virus filwaqt li nitgħallmu u nitħarrġu dwar prattiċi tajbin ta’ iġene u indafa u li nżommu dejjem u f’kull ħin id-distanza soċjali.

Fl-aħħar nett huwa ngħaqad mal-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa biex wieħed ma joħroġx bla bżonn, tiekol tajjeb u tiċċaqlaq xi ftti, sib xi passatemp interessanti u żomm kuntatt ma’ qraba u ħbieb li forsi ilek ftit ma tkellimhom. “Mit-telefon ma jgħaddix il-coronavirus imma tgħaddi s-solidarjetà u kelma ta’ kuraġġ u faraġ,” temm jgħid Cachia.

Share With: