Players ta’ AS Roma jitħarrġu fit-toroq tal-kapitali

Skond filmat li qed jiċċirkola fuq il-media soċjali, AS Roma jidher li bdew is-sessjonijiet ta’ taħriġ u b’xi mod kisru l-kwarantina li suppost għaddejjin biha. Fil-fatt fit-toroq ta’ Casal Palocco dehru bost players mill-belt kapitali Taljana jagħmlu xi ġiri b’distanzi bejniethom biex jaħdmu fuq il-lat fiżiku immexxija mill-coach tal-fiżika Marco Savorani.

Ħafna kritiċi tal-football Taljan dehru xi ftit xettiċi wara dak kollu li raw u tennew li kien jkun aħjar li kieku l-club stenna sal-ewwel ġimgħa ta’ Mejju qabel beda xi ħaġa. Dan kollu sar fi sfond ta’ sitwazzjoni fejn il-president ta’ Lazio, Claudio Lotito, kien ilu jipproponi li jibdew it-taħriġ tagħhom.

Roma huma kkowċjati minn Paulo Fonseca u qabel il-waqfa sfurzata minħabba l-Covid-19 huma kienu jinsabu fil-ħames post tal-klassifika tas-Serie A b’45 punt minn 26 logħba.

Share With: