“Politika ġdida għall-pompi tal-fjuwil fl-ewwel mitt jum”

Mill-Ministru għall-Ambjent, Bidla fil-Klima u Ppjanar, Aaron Farrugia 

Hekk kif din il-ġimgħa l-Gvern ta’ Robert Abela iċċelebra l-ewwel mitt jum tiegħu, mitt jum li l-biċċa l-kbira minnhom għexnihom fi żmien straordinarju bl-imixxija tal-COVID-19, il-Ministru Aaron Farrugia żamm mal-kelma li kien ta f’Jannar, jigifieri li se jkun qed jirrevedi, jippubblika u jiffinalizza l-politika li biha jinħarrġu permessi għal-pompi tal-fjuwil fl-ewwel mitt jum tiegħu. Din il-policy, pjuttost kontroversjali, ilha tiġi dibattuta l-fuq minn sena u nofs hekk kif il-Gvern kien intrabat li jirrevedi il-policy li nieda hu stess fl-2015. 

Mistoqsi minn it-Torċa dwar ix-xogħol li sar fl-aħħar xhur, il-Ministru Farrugia qal li kien ta l-kelma tiegħu li l-policy l-ġdida tiġi ppubblikata fl-ewwel mitt jum tal-ħidma tiegħu. “Frankament nemmen li l-pajjiż ħela wisq zmien jiddiskuti policy dwar pompi tal-fjuwil meta l-enerġija tagħna lkoll għandha tkun dwar kif se nnaqsu l-karozzi li jniġġsu fit-toroq tagħna u nimxu lejn karozzi elettriċi.” Farrugia qal li hu sodisfatt bir-riżultat tal-ħidma li saret fejn instab qbil bejn l-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi u l-Awtorita’ tal-Ippjanar. Fuq kollox itenni li l-politika l-ġdida tħares il-komunitajiet tagħna u l-ambjent ta’ madwarna u fi kliemu hi pjuttost ristretta u konservattiva. 

Il-policy l-ġdida tillimita darba għal dejjem il-massimu fuq l-ammont ta’ pompi ta’ fjuwil f’Malta u Għawdex. Dan ifisser li pajjiżna mhux se jkollu iktar fuel stations minn dawk li għandu llum il-ġurnata, filwaqt il l-applikazzjonijiet għal pompi ġodda sakemm ma jkunux biex tiġi rilokata oħra, mhux se jiġu aċċettati. L-Awtorita’ tal-Ippjanar se tkun qed tikkunsidra pompi tal-fjuwil eżistenti biss għal rilokazzjoni u dan fuq kriterji ferm iktar stretti li jissalvagwardjaw iż-żoni rurali, iżda fuq kollox is-sigurta’ tal-familji u l-lokalitajiet. Il-policy l-ġdida tagħmilha ċara li mhux kull pompta tal-fjuwil eżistenti tista’ titlob li tiġi rilokata. Rilokazzjoni tista’ tintalab jekk il-pompa eżistenti tkun qiegħda toħloq impatt negattiv fuq iż-żona u s-sigurta’ tas-soċjeta’ tal-madwar. Miżura oħra li ntlaqat tajjeb kienet dik li ebda estensjonijiet ta’ pompi tal-fjuwil eżistenti, li huma parzjalment jew kollha kemm huma fuq art ODZ, m`hu se jiġu aċċettati. 

Ilkoll niftakru li l-policy preċedenti kienet kontroversjali minħabba l-fatt li fl-opinjoni ta’ numru ta’ għaqdiet non-governattivi ambjentali, kienet pjuttost laxka fuq art ODZ. Mistoqsi speċifikament dwar dan il-Ministru Aaron Farrugia kien kategoriku u qal li il-policy l-ġdida fejn jidħol l-ODZ hi ristretta ħafna. 

Il-policy ssir iktar ristretta meta wieħed jagħraf li d-daqs massimu ta’ pompa tal-fjuwil rilokata tnaqqas minn 3000sqm għal 1000sqm, inkluż faċilitajiet anċillari, filwaqt li l-għoli ma jistgħax jaqbeż is-seba’ metri. Iktar minn hekk, pompi tal-fjuwil fl-ODZ viċin ta’ zoni industrijali, siti viċin SMEs, u Areas of Containment mhux se jkunu aċċettati. Fl-istess ħin qed jerġa jiġi introdott buffer zone bejn pompi tal-fjuwil ġodda u binjiet meqjusa vulnerabbli – bħal skejjel, sptarijiet u oħrajn. 

Il-Ministru Farrugia, f’kummenti lil Inewsmalta qalilna li mhux se jkun aċċettabli li tinbena pompa tal-fjuwil f’distanza inqas minn 500 metru minn pompa oħra eżistenti. Finalment, il-politika l-ġdida se tapplika wkoll għal kull applikazzjoni pendenti għall-bini ta’ pompa tal-fjuwil hekk kif imwieghed mill-istess Gvern fl-aħħar xhur. Għall-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar il-ħidma tibda fuq kontroversja oħra, dik tal-politika ghaż-żoni rurali. 

Share With: