Priġunieri jgħinu billi jipproduċu maskri u tagħmir protettiv

Priġunieri qed jgħinu fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Covid-19 billi jipproduċu maskri u tagħmir protettiv ieħor, li mhux biss intuża mill-uffiċjali u r-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, iżda anke minn entitajiet governattivi oħra. Dan hu sehem importanti ħafna fi żmien fejn id-dinja kollha qed issib sfida biex ikollha biżżejjed materjal protettiv.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li r-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jagħtu eżempju ċar ta’ kif il-pajjiż kollu għandu jkun magħqud f’dan il-mument ta’ sfida. Enfasizza kif dawn huma inizjattivi li juru wkoll ta’ kif għandha sservi l-faċilità korrettiva, fejn jirbaħ ir-riabilitazzjoni fuq il-kastig. “Minn qalbi, u f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha, nixtieq nirringrazzjahom ta’ dan il-ġest sabiħ. Aktar minn qatt qabel, għandna bżonn lil xulxin biex negħlbu din l-isfida,” qal il-Ministru Camilleri.

It-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva spjegat kif din id-deċiżjoni hija eżempju ċar ta’ ġustizzja riparatriċi fejn, minkejja li l-priġunieri għamlu ċertu żbalji li bihom naqqsu lis-soċjetà, llum qed iroddu lura xi ħaġa ta’ ġid f’dan il-mument diffiċli għall-pajjiż.

Share With: