Proġetti ambizzjużi biex il-logħba tal-volleyball terġa’ titqajjem f’Malta

Matul is-snin, il-logħba tal-volleyball f’Malta għaddiet minn perjodi glorjużi u anki oħrajn diffiċli.

Wara l-ħatra ftit xhur ilu ta’ Kunsill ġdid tal-Malta Volleyball Association, immexxi mill-Prof Ing. Edward Gatt, ġew imnedija proġetti ambizzjużi biex jerġa’ jitqajjem mill-ġdid interess fil-logħba f’Malta.

Il-president Gatt mill-ewwel għamel l-ewwel passi fid-direzzjoni t-tajba u akkumpanjat mill-viċi-president, Branko Vlahovic, fil-bidu ta’ din is-sena marru f’Belgrad, fis- Serbja, biex jiltaqgħu mal-President  tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Volleyball (CEV),  Aleksander Boricic.

“Kienet opportunitá prezzjuża biex tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-ogħla awtorita­jiet  tal-logħba wara l-problemi li l-MVA esperjenzjat minn nuqqas ta’ attivajiet tal-volleyball f’Malta,” qal  il-president tal-MVA.

F’din il-laqgħa, il-professur Gatt fisser  il-pjani ambizzjużi tal-MVA biex jerġa’ jitqajjem interess fil-logħba tal-volleyball f’Malta. Dawn il-pjani jinkludu numru ta’ proġetti u attivitajiet, fejn l-ewwel fosthom hemm is-CEV School Project li jiffoka fuq l-iżvilupp tal-volleyball fl-iskejjel.

Skont il-president Gatt, biex dan il-proġett jirrealizza  li l-MVA tixtieq taħdem  mill-qrib  ma’ coaches żgħażagħ u għalliema tal-Edu­kaz­zjoni Fiżika. Jidher li fost l-aktar importanti u l-ewwel prijoritá se jkun hemm il-logħba  tal-beach volley, dejjem jekk dan ikun possibbli li jinbeda mis-sajf li ġej minħabba d-diffikultajiet maħluqa mill-coronavirus matul l-aħħar ġimgħat.

Il-president Gatt esprima l-gratitudni  tiegħu għal-laqgħa li kellu mal-president Boricic  li miegħu kellu taħditiet utli u qal li qed iħares ‘il quddiem biex isaħħaħ  il-ko­perazzjoni mal-Federazzjoni Ewropea fil-futur qrib.

Fi tmiem il-laqgħa bejn iż-żewġ presidenti, dawn qablu li jkomplu jaħdmu flimkien  mhux biss biex jippromwovu l-koperazzjoni internazzjonali imma wkoll biex ikun żgurat li l-appoġġ  li qed jingħata mill-Gvern u l-awtoritajiet lokali jgħin verament biex lill-volleyball f’Malta jikber b’pass aktar mgħaġġel milli seħħ sa issa.

Kompetizzjonijiet għan-Nisa biss

Fil-preżent u sakemm il-logħob  bħal ħafna sport ieħor huwa sospiż minħabba l-coronavirus, f’nofs ix-xahar li għadda, il-kompetizzjonijiet li kienu qed isiru kienu limitati biss għan-nisa u ma kien hemm għaddejja l-ebda kompetizzjoni għall-irġiel.

Huma disgħa l-clubs affiljati mal-MVA u li qed jipparteċipaw f’diversi kampjonati. Ħames timijiet qed jieħdu sehem fis-Super League u fuq quddiem hemm il-Pheonix Yobetit b’22 punt minn tmien logħbiet segwiti mill-Falcons bi 18-il punt minn daqstant logħbiet ukoll.

It-timijiet l-oħra li qed jieħdu sehem huma  Sliema (11-il punt), Flyers (6 punti) u Fleur-de-Lys Royal Panda (3 punti) u li huma xi ftit distakkati mill-ewwel tnejn.

Ħames timijiet oħra kienu qed jieħdu  sehem fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni bi Mġarr Volley fuq quddiem b’25 punt segwiti minn Paola b’20, BKVC 11, Phoenix EY 9 u Mellieħa Tritons punt.

L-MVA kienet qed torganizza wkoll kampjonati għal tfajliet Under 16 u Under 14 bis-sehem ta’ seba’ timijiet f’kull kompetiz­zjoni. Swieqi Pheonix Block ‘N Roll kienu qegħdin l-ewwel  fil-Kampjonat Under 16 u Swieqi Phoenix Young Stars kienu jinsabu l-ewwel fil-kampjonat Under 14.

Mill-bidu ta’ dan l-istaġun, il-Pre-Season Tournament organizzat mill-MVA intrebaħ  minn Swieqi Phoenix Yobetit li ma tilfu l-ebda sett u kisbu skor perfett ta’ 12-il punt,  Fleur-de-Lys spiċċaw runners-up b’disa’ punti segwiti minn Paola b’sitt punti

Share With: